David Casa jiltaqa' ma' Maria Efimova fil-Greċja

David Casa huwa t-tieni MEP li żar lil Efimova fl-aħħar jiem

Ritratt tal-ħabs fejn qed tinżamm Efimova
Ritratt tal-ħabs fejn qed tinżamm Efimova

Il-Kap tad-Delegazzjoni Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew iltaqa' ma' Maria Efimova fil-ħabs fejn qed tinżamm fil-Greċja.

F'filmat li ħa quddiem il-ħabs Korydallos (ara l-paġna ta' Facebook ILLUM), Casa saħaq li dawk li jikxfu l-ħażin ma ħaqqhom xejn iżjed ħlief il-gratitudni tagħna.

Huwa qal li kellu laqgħa twila ma' Efimova li fiha spjegalha l-proċeduri li se tkun qed taffaċja fil-ġranet li ġejjin.

"Efimova diġà għandha l-protezzjoni tal-Parlament Ewropew," saħaq Casa.

Casa insista li mhux faċli li persuna tiddeċiedi li tikxef każijiet ta' korruzzjoni. Fi kliemu jrid ikollok kuraġġ u tpoġġi l-interess komuni qabel l-interessi tiegħek innifsek.

Kompla jisħaq li f'każ bħal ta' Maria Efimova, li kixfet każijiet ta' korruzzjoni fl-għola livelli tat-tmexxija, wieħed irid ikollu karattru sod u b'saħħtu, li fi kliemu, ftit jippossedu.

Casa insista li whistleblowers li esponew evidenza dwar attivitajiet illegali mill-Bank Pilatus u l-klijenti tiegħu spiċċaw "vittmi" ta' kampanji krudili li l-għan tagħhom kien li jpoġġu lil dawn il-persuni f'dawl ikrah u jtappnu r-reputazzjoni tagħhom. Fakkar li kien dan li wassal lil Efimova biex tħalli Malta.

"Ġejt Ateni biex nassigura lil Maria li ma tinsabx waħedha. Jiena warajha. Il-Parlament Ewropew huwa warajha. Se ssibna dejjem hemm," saħaq Casa. "Mhux Maria jmissa qiegħda f'ċella."

Efmova kif spiċċat il-ħabs?

Fl-20 ta' Marzu li għadda, il-midja Griega rrappurtat kif Maria Efimova, il-whistleblower wara l-allegazzjoni 'Egrant' tat lilha nnifisha lill-Pulizija Griega wara mandat ta' arrest illi kien sar fil-konfront tagħha minn Malta u minn Ċipru. 

Kien is-sit illum.com.mt li żvela wkoll li din il-mara kienet tkeċċiet mill-Bank Pilatus f’Marzu 2016 u qed tiġi mfittxija fuq akkużi li użat fondi mill-bank għal skopijiet privati. Kien żvelat ukoll kif kienet diġà ġiet investigata mill-pulizija u kienet il-Qorti, akkużata bi frodi u rapporti foloz.

Min-naħa tagħha, Efimova dejjem sostniet illi hi qatt ma tħallset ta’ internship li kienet għamlet mal-Bank Pilatus. Il-Bank ċaħad u sostna illi din kienet allegazzjoni ‘falza’. Il-Bank Pilatus akkużaha wkoll u allega illi fi proċess ta’ ‘booking’ tal-lukanda fil-Ġermanja hi bbukkjat kamra addizzjonali għaliha u tellgħet lill-familja, għas-spejjeż tal-bank.

L-għada, iżda Daphne Caruana Galizia qalet li mhu veru xejn illi Efimova wettqet reat ta’ frodi. F’artiklu fil-blogg tagħha tispjega kif ‘Mrs. X’ (għax sa dak iż-żmien ma kienx magħruf isimha), ħadmet fil-Bank Pilatus għal tliet xhur u qatt ma tħallset, anke jekk kienet imwiegħda illi l-paga se tirċiviha fil-posta. Caruana Galizia spjegat kif għamlet rapport lill-awtoritajiet kompetenti.

Efimova kienet il-mara wara l-allegazzjoni 'Egrant', jiġifieri li l-kumpanija fil-Panama Egrant Inc. kienet ta' Michelle Muscat u li minnha għaddew mal-$1 miljun. Il-PM Joseph Muscat u Michelle Muscat ċaħdu bil-qawwi din l-allegazzjoni, bil-PM isejjaħ din bħala 'l-akbar gidba fl-istorja politika.' 

Casa t-tieni MEP li żar lil Efimova

Il-ġimgħa li għaddiet, l-illum.com.mt żvelat li MEP Griega żaret lil Maria Efimova fil-Ħabs Grieg Korydallos. Ħabs li fl-1995 esperjenza rewwixta kbira ħafna magħrufa sew fil-Greċja bejn il-gwardjani tal-ħabs u l-priġunieri. 

Din l-MEP bagħtet komunikat illi fih assigurat li Efimova tinsab 'f'qagħda ta' saħħa tajba' u li qed tkun trattata bl-aħjar mod fil-ħabs. 

"Obbligati jibagħtuha lura" - Il-Kummissarju

Intant, wara talbiet li saru biex Maria Efimova tingħata l-protezzjoni mill-awtoritajiet Griegi, il-gazzetta ILLUM tkellmet mal-Kummissarju tal-Pulizija, Lawrence Cutajar, saħaq li l-awtoritajiet Griegi huma obbligati li "jibagħtuha lura."

“Il-Greċja bħala pajjiż fi ħdan l-Unjoni Ewropea huwa obbligat li jibgħat persuna mfittxija jew aħjar li jkun maħruġ mandat t’arrest Ewropew kontriha,” sostna Cutajar.

X'ġara fil-Finlandja meta kien hemm każ simili bħal ta' Efimova?

Fil-każ ta’ Gataev&Gataeva fil-Qorti Suprema tal-Finlandja, dawn it-tnejn kellhom mandat ta’ arrest kontrihom mill-Gvern tal-Litwanja. Imma dawn it-tnejn, bħalma indikat li se tagħmel Efimova, kienu applikaw għall-ażil u saħqu illi l-applikazzjoni tagħhom għandha tieħu preċedenza fuq dik tal-estradizzjoni u li mhux se jingħataw smigħ xieraq fil-Litwanja. Il-Qorti tal-Finlandja kienet laqgħet it-talba ta’ Gataev&Gataeva fuq il-premessa li għalkemm applikazzjoni għall-ażil ma tissemmiex speċifikment fil-qafas regolatorju dwar il-Mandat ta’ Arrest Ewropew bħala bażi għal rifjut ta’ estradizzjoni, “din il-proviżjoni legali għandha tinftiehem b’mod wiesa’ skont l-istess qafas, b’tali mod li rifjut fuq il-bażi ta’ talba għall-ażil għandha tkun possibbli.”

Il-Kummissjoni Ewropea kienet ċara iżda dwar il-prattika fil-pajjiżi Skandinavi, “rifjut ta’ estradizzjoni fuq il-bażi ta’ artikli 5(1) (6) tal-EU Extraditon Act (li titħaddem fil-pajjiżi Skandinavi) huwa vot  ta’ sfiduċja fl-Istat Membru li ħareġ il-mandat ta’ arrest u huwa f’kunflitt dirett mal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku.”

Artiklu 5 (6) jgħid li estradizzjoni tista’ tkun rifjutata fuq suspett ta’ theddid ta’ tortura jew trattament degredabbli... jew biża’ ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem u/jew liberta tal-espressjoni u assoċjazzjoni.

Il-Kummissjoni Ewropea sostniet ukoll illi applikazzjoni tal-ażil bħalma qed titlob Efimova tista’ “twassal biss għall-posponiment tal-estradizzjoni,” mhux ir-rifjut tiegħu.

Aqra wkoll:

More in Politika