Il-PN iħeġġeġ lill-Gvern biex jirtira l-ordni ta' żgumbrament f'Bulebel

Il-gazzetta ILLUM, żvelat kif  l-avviż ta’ żgumbrament fiż-żona ta’ Bulebel għadu ma ġiex irtirat minkejja 

Il-Partit Nazzjonalista ħeġġeġ lill-Gvern biex iżomm kelmu u jirtira l-ordnijiet ta’ żgumbrament biex l-art agrikola f’Bulebel tibqa’ tal-bdiewa li ilhom jaħdmu l-għelieqi għal ġenerazzjonijiet sħaħ.

Fi stqarrija, il-Kelliema tal-Partit Nazzjonalista Edwin Vassallo u Jason Azzopardi, irreferew għal dak żvelat mill-gazzetta ILLUM, jiġifieri  l-avviż ta’ żgumbrament lil madwar 10 bdiewa fiż-żona ta’ Bulebel għadu ma ġiex irtirat u lanqas ingħatat direzzjoni Ministerjali lil Malta Industrial Parks (MIP) biex dan isir. Dan minkejja li l-Gvern kien qal li se jsib siti alternattivi biex din l-art ma tinbidilx f'fabbriki.

Il-Partit Nazzjonalista insista li “Joseph Muscat ried jeqred aktar minn 120,000 metru kwadru ta' art agrikola f'Bulebel,” u fakkar li kien biddel fehmtu “wara pressjoni li saritlu mill-Partit Nazzjonalista.”

Il-Kelliema saħqu li l-Partit Nazzjonalista se jibqa' jkun il-vuċi tal-bdiewa f'Bulebel u tan-nies biex din l-art agrikola tiġi salvata mill-iżvilupp.

"Kien il-Gvern preżenti li ħares l-interessi tal-bdiewa f'Bulebel" - PL

Intant, b’reazzjoni, il-Partit Laburista saħaq li jekk kien hemm  xi ħadd li ħares l-interessi tal-bdiewa ta’ Bulebel kien il-Gvern preżenti “li wara li kkonsulta u sema’ ħa d-deċiżjoni li ma jagħmilx żvilupp f’Wied iż-Żrinġ.”

L-istqarrija tinsisti li b’din id-deċiżjoni l-gvern se jkun qed jirranġa d-deċiżjoni ta’ Gvern Nazzjonalista u ta’ Jason Azzopardi “li fiż-żmien meta l-pajjiż ma kienx hawn domanda għall-fabbriki għażel li jalloka din il-medda ta’ art biex tintuża għal żvilupp ta’ fabbriki.”

Il-Partit Laburista insista li joħroġ kemm joħroġ staqrrijiet, il-Partit Nazzjonalista mhux se jħassar il-fatt li, fi kliemu, kien Azzopardi li preżenta l-avviż legali li seta’ kien l-ikbar kundanna għal din l-art.

“Dan hu każ ieħor fejn il-Partit Nazzjonalista, b’mod partikolari l-kelliem tiegħu għall-ambjent, m’għandhom ebda kredibbiltà biex jitkellmu,” ittemm tgħid l-istqarrija.

Fil-Parlament, il-Ministru Chris Cardona, għall-Mistoqsijiet Parlamentari tad-Deputat Godfrey Farrugia, ma weġibx b’mod dirett dwar jekk dan l-avviż kienx irtirat.

Minflok, Cardona fakkar li ladarba xi ħadd ma jkollux titlu fuq l-art, dan qed jokkupa art tal-Gvern illegalment. Kompla jgħid li ladarba l-Gvern iddeċieda li ż-żona, inkluż Wied iż-Żrinġ, għandhom valur ambjentali u storiku, jiena fl-opinjoni tiegħi, naħseb li l-art għandha tkun landscaped, bħal parks li hemm f’postijiet oħrajn fil-każ tal-afforestazzjoni.”

L-art u l-bdiewa f'Bulebel telgħu fuq nett tal-aġenda tal-pajjiż, hekk kif rapporti u filmati tas-sit Illum.com.mt wasslu għal ħafna kritika u anke pressjoni biex din tiġi salvata u bviex il-bdiewa ma jitkeċċewx minn art li ilhom jaħdmu, jikkuraw u jiżirgħu għal ġenerazzjonijiet sħaħ.

More in Politika