Intervista | Jersey u Soho: ‘Nippreferi noqgħod fuq dak li qal Adrian Delia’
L-allegazzjonijiet ta’ kont f’Jersey marbut ma’ Delia, id-dissens fil-Partit Nazzjonalista, it-taxxa li l-Kap tal-Oppożizzjoni għadu ma ħallasx, il-barranin u l-kirjiet. Frank Psaila intervistat mill-gazzetta ILLUM
minn Yendrick Cioffi
Bħal dan iż-żmien sena inkunu fl-eqqel ta’ kampanja elettorali għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli Lokali. Għal ħafna dan se jkun l-ewwel test politiku tal-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia, iżda jidher li l-viżjoni tal-Partit Nazzjonalista hija aktar fit-tul.
Mal-gazzetta ILLUM, l-Avukat u l-ġurnalista Frank Psaila, li se jkun qed joffri l-kandidatura tiegħu għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, qal li Adrian Delia ma għandux ikun iġġudikat fuq l-elezzjonijiet tal-2019. Insista li ħadd mhu qed jaqta’ qalbu iżda saħaq li Delia daħal biex imexxi l-Partit Nazzjonalista biex jieħdu għall-elezzjoni ġenerali tal-2022.
“Il-ġlieda hija diffiċli ħafna. Fadal sena. L-elezzjoni ġenerali għadha friska imma l-ħidma qed issir... il-Partit Nazzjonalista ħaqqu bil-ħidma li qed iwettaq u bil-kuntatt li qed iżomm man-nies li jġib riżultat pożittiv,” saħaq Psaila waqt li faħħar il-mod kif fi kliemu, Delia qed jinżel għal-livell tan-nies.
Imma jekk id-distakk jibqa’ l-istess jew jikber, x’għandu jagħmel Delia? “Nistennew u naraw. Fiduċjuż li jekk il-ħidma tibqa’ għaddejja kif inhi ma għandux għalfejn jibqa’ l-istess. Jiena nixtiequ jirbaħ imma rridu nkunu realistiċi. It-triq għadha għat-telgħa u l-programm ta’ Delia huwa għal ħames snin.”
Sondaġġi...“għandi dubji kbar”
Minkejja li l-ġurnalista għamel referenza għall-fatt li Delia qed jirbaħ is-simpatija ta’ Nazzjonalisti li ma kinux qed jappoġġjawh u li qed jitkellem fuq kwistjonijet li jolqtu lin-nies direttament, l-aħħar sondaġġ tal-MaltaToday wera li d-distakk bejn il-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista, fost dawk li huma deċiżi, tela’ għal 90,000 vot.
X’jaħseb dwar dan Frank Psaila? Għandu d-dubji tiegħu. Saħaq li żewġ sondaġġi differenti, fi żmien ġimgħa, kienu jvarjaw b’20,000 vot. Sondaġġ wera distakk ta’ madwar 50,000 vot u dak tal-MaltaToday wera distakk ta’ 90,000 vot. “Jiena għandi dubji kbar... ftit diffiċli li partit politiku jitlef madwar 20,000 vot f’ġimgħa.”
Minkejja dan Psaila ammetta li d-distakk għadu hemm u li hemm ħafna nies li għadhom imweġġgħin. Fi kliemu, jiltaqa’ ma’ nies li jsemmulu każijiet tas-snin 90 meta skontu, il-Partit Nazzjonalista kien fl-aqwa tiegħu. “Hemm attenzjoni partikolari għal dawn il-weġgħat tan-nies.”
Pilatus: “Il-PN kien qed ipoġġi jdejh fuq il-ferita”
Ma stajniex ma nitkellmux ma’ Frank Psaila fuq l-aħħar żviluppi li seħħew din il-ġimgħa, fosthom l-arrest tas-sid tal-Bank Pilatus Ali Sadr Hasheminejad, li dwaru l-Partit Nazzjonalista tant tkellem fl-aħħar kampanja elettorali. Saħaq li dawn l-aħħar żviluppi qed juru li “il-Partit Nazzjonalista mhux minnu kien qed ikun negattiv imma kien qed ipoġġi jdejh fuq il-ferita...Kieku kellna nkunu serji din kellha tbiddel ix-xenarju politiku tal-pajjiż,” iżda saħaq b’dispjaċir li f’Malta l-affarijiet jibqgħu sejrin kif inhuma, filwaqt li barra minn Malta tintrefa r-responsabbilità.
Fid-dawl ta’ dan u anke bħala wiċċ ġdid fil-politika, lil Psaila tkellimna miegħu dwar allegazzjonijet li jkunu involuti fihom nies fil-politika. Staqsejnieh x’għandu jagħmel politiku jekk fuqu ssir l-iċken allegazzjoni. Kien ċar. “L-aħjar mod kif tnaddaf ismek huwa li twarrab għal ftit, tiġġieled il-kawża u jekk jirriżulta li l-allegazzjonijiet kienu foloz terġa’ tidħol lura u tingħata raġun.”
“Mhux dejjem faċli li jsir hekk. Imma meta l-allegazzjonijiet ikunu serji, bħal fil-każ tal-Ministru Konrad Mizzi, taċ-Chief of Staff Keith Schembri u anke tal-Kummissarju tal-Pulizija, li kellu jieħu azzjoni fuq rapport tal-FIAU, il-pożizzjoni ma tibqax tenibbli,” saħaq Psaila. “Sfortunatament f’dan il-pajjiż ħadd ma jerfa’ r-responsabbilità politika.”
“Delia ma kienx fil-politika fi żmien l-allegazzjonijiet”
Allura f’dan id-dawl, Adrian Delia ma kellux iwarrab meta Daphne Caruana Galizia allegat li mal-14-il sena ilu kien fetaħ kont bankarju f’Jersey fir-Renju Unit u li kien irċieva fih somom kbar ta’ flus minn prostituzzjoni f’Soho?
Għal Frank Psaila il-kwistjoni ta’ Adrian Delia hija differenti. “Hemm distinzjoni ċara. Meta ntqalu dawn l-affarijiet kollha, Adrian Delia kien jaħdem bħala Avukat. Ma kienx fil-politika. Ma kienx Membru Parlamentari. Ma kien xejn. Konrad Mizzi fetaħ il-kont fil-Panama ftit ġranet wara li sar Ministru.”
Kien għalhekk li saħaq li r-responsabbilità politika, li kien għadu kemm tkellem dwarha, għandha tintrefa meta wieħed ikun fil-politika u meta tkun ħadd deċiżjonijiet li jagħmlu l-pożizzjoni tiegħek mhux tenibbli.
“Nippreferi noqgħod fuq dak li qal Adrian Delia,” saħaq Psaila, iżda meta fakkarnieh li anke l-Ministru Chris Cardona ċaħad li żar burdell fil-Ġermanja kif allegat minn Caruana Galizia, reġa’ insista li l-allegazzjoni hija li żar il-burdell meta diġà kien Ministru u meta kien waqt żjara uffiċjali tal-Gvern.
Jiena li naf l-affarijiet minn ġewwa, naf li mhux veru li fil-PN hemm id-dissens li qed ikun irrappurtat fil-midja
“Meta tkun għadek ma dħaltx fil-politiku u tkun ħadt ċertu deċiżjonijiet jien ma jidhirlix li għandek twarrab, għax jekk se nagħmlu hekk kulħadd jista’ jkollu xi ħaġa jew ikun daħal f’ċertu deċiżjoni f’ismu jew f’isem ħaddieħor,” saħaq Psaila. “Qatt ma saret allegazzjoni waħda fuq Adrian Delia fi żmien li ilu Kap tal-Partit Nazzjonalista u Kap tal-Oppożizzjoni.”
Iżda minkejja dawn l-argumenti, jibqa’ l-fatt li dawn l-allegazzjoniet għadhom qed jiġru wara Adrian Delia anke għax waqqa’ l-libelli kollha li fetaħ kontra l-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Kien hawn li Frank Psaila ddefenda l-pożizzjoni tal-Kap Nazzjonalista u qal li għamel sew li waqqa’ l-libelli. Skontu, il-familja Caruana Galizia ma sabet l-ebda oġġezzjoni dwar dan, għalkemm saħaq li mill-banda l-oħra kienu wrew ix-xewqa li jkomplu jinstemgħu libelli oħra li saru minn Chris Cardona, Keith Schembri u Konrad Mizzi.
“Ma jidhirlix li n-nies meta jħarsu lejn Adrian Delia qed jaraw l-istess ħaġa li jaraw f’Konrad Mizzi. F’Adrian Delia n-nies qed jaraw Kap ta’ partit li jitkellem dwar kwistjonijiet li jolqtuhom fil-laħam il-ħaj,” saħaq Psaila. “Meta tħares lejn Konrad Mizzi tiftakar f’Pilatus Bank, fil-kontijiet tal-Panama u f’mitt miljun skandlu ieħor.”
“Dwar it-taxxa Delia għandu reġun legali, imma...”
Anke meta mistoqsi dwar it-€80,000 f’taxxa li għandu jħallas Adrian Delia, Frank Psaila qal li bħala avukat jifhem l-ispjegazzjoni li qed jagħti Delia. Spjega li bħala avukat, Delia kien qed jikkontesta penali fuq ħlasijiet tard għall-klijenti tiegħu u l-istess għamel fil-każ tiegħu.
“Anke jekk kellu raġun legali, meta tkun fil-politika l-argumenti legali mhux dejjem ikunu aċċettati.” Saħaq li bħala Kap tal-Oppożizzjoni, Delia fehem dan u laħaq ftehim biex iħallas il-pendenzi. Minkejja dan, sa issa ħadd ma jaf meta Adrian Delia se jkun qed iħallas dawn it- €80,000.
Iżda meta mistoqsi jekk il-kwistjoni tat-taxxi hux qed tnaqqas il-kredibilitá ta’ Delia meta jitkellem fuq kwistjonijiet soċjali, Psaila saħaq li n-nies jinkwetahom il-fatt li persuni bħal Deborah Schembri qed tieħu eluf ta’ ewro f’konsulenzi minn fuq it-taxxi tan-nies. “Ma naf ħadd mill-PN li ħa dawn l-oxxenitajiet ta’ konsulenzi li qed jieħdu membri ta’ dan il-Gvern.”
Adrian Delia antiteżi ta’ Simon Busuttil?
Tkellimna aktar fil-fond dwar Nazzjonalisti li għadhom iħarsu lejn Delia bħala l-antiteżi ta’ Simon Busuttil u għadhom ma aċċettawx li jappoġġjaw Partit Nazzjonalista mmexxi minnu. Dan juruh ukoll l-aħħar sondaġġi li saru mill-MaltaToday.
Frank Psaila dan jirrikonoxxih iżda jfakkar ukoll li anke fl-aħħar elezzjoni ġenerali kien hemm partitarji Nazzjonalisti li kienu xettiċi bit-tmexxija ta’ Simon Busuttil.
Id-differenza, skont il-ġurnalista, hija fl-istil tat-tmexxija. Skontu, Adrian Delia għandu stil differenti ta’ politika mil-mod kif kien imdorri bih il-Partit Nazzjonalista. Saħaq li Delia ma jiddejjaqx jaqbad kwistjonijiet li qed jolqtu n-nies u jitkellem dwarhom u anke jirrevedi deċiżjonijiet meta jara s-sentiment tan-nies, kif għamel fil-każ tal-pensjoni tal-Membri Parlamentari.
“Ħadd mid-Deputati qatt ma qalli li mhux kuntent b’Delia”
Apparti l-fiduċja li Delia għandu fost in-Nazzjonalisti, staqsejna wkoll lil Frank Psaila dwar jekk jaħsibx li Delia għandu l-fiduċja tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista kollu kemm hu.
“Ma għandix dubju li Delia għandu l-fiduċja tal-Grupp Parlamentari...Kollha qed jippruvaw jagħmlu mill-aħjar li jistgħu fiċ-ċirkostanzi taħt it-tmexxija ta’ Adrian Delia,” saħaq Psaila. Iżda insistejna miegħu jekk dan ifissirx li kulħadd, inkluż Deputati bħal Karol Aquilina, huwa kuntent bit-tmexxija ta’ Delia. “Ħadd minnhom qatt ma qalli li mhux kuntent taħt Adrian Delia,” insista Psaila.
Iżda mhux l-ewwel darba li Delia ma kellux il-Grupp Parlamentari warajh fil-Parlament. Fl-ewwel ‘test’ li Adrian Delia kellu fil-Parlament, sitt Deputati, fosthom Simon Busuttil, Chris Said u Karol Aquilina, astjenew mill-mozzjoni mressqa mill-Oppożizzjoni biex il-Gvern ibiddel Avviż Legali dwar il-leave speċjali lil min ikun se jagħmel trattament tal-IVF barra minn Malta. “I wouldn’t read much into it,” wieġeb Psaila. “Aktar ma jkun hemm vot ħieles fuq kwistjonijiet ta’ kuxjenza, aktar aħjar... jiena naf li ma hemmx dan id-dissens li qed ikun irrappurtat fil-midja.
Ma naf ħadd fil-PN li ħa l-oxxenitajiet ta’ konsulenzi li qed jieħdu membri ta’ dan il-Gvern
U kemm kienet għaqlija d-deċiżjoni ta’ Simon Busuttil li jibqa’ Membru Parlamentari? “Simon Busuttil tela’ b’vot b’saħħtu ħafna ma narax għafejn kellu neċċesarjament jirriżenja....huwa bniedem kompetenti, ġenwin u tajjeb u Delia sablu d-dekasteru ideali għalih,” wieġeb Psaila. “Qed jagħti l-kontribut tiegħu bħala Membru Parlamentari taħt it-tmexxija ta’ Adrian Delia u qed jirrispetta dik is-sitwazzjoni.
Jiġifieri hemm relazzjoni tajba bejniethom? Għal din il-mistoqsija Psaila wieġeb billi għamel referenza għal ritratt ta’ Adrian Delia waqt li qed jawgura lil Busuttil f’għeluq sninu. “Il-ħbieb jagħmlu hekk,” qal Psaila.
Il-PN qed jaqa’ fin-nassa tal-populiżmu?
Lura għad-deċiżjoni tal-Partit Nazzjonalista li jbiddel il-pożizzjoni tiegħu dwar il-pensjoni tal-Membri Parlamentari, staqsejna lil Frank Psaila jekk il-PN hux qed ikun populist, l-istess kif ħafna drabi jakkuża lill-Gvern. “In-nies ġustament kienu rrabbjati. Il-Partit Nazzjonalista sema’ n-nies u ma hemm xejn ħażin f’li tisma’. Jekk hemm xi ħaġa li l-Partit Nazzjonalista tgħallem, hija li jisma’ u fejn hemm bżonn, jirrevedi,” wieġeb Psaila.
Ġaladarba l-Partit Nazzjonalista ilu jitkellem fuq il-pensjonijiet, ma kinitx tkun għaqlija kieku d-deċiżjoni ħadha qabel? “In-nies fid-djar jinterresahom li l-Partit Nazzjonalista talab lill-Gvern biex tibda diskussjoni dwar ir-riforma fil-pensjonijiet tan-nies u l-Gvern jidher li għadu ma ħa l-ebda azzjoni dwar dan.”
Iżda staqsejna lil Psaila kemm hu kredibbli l-Partit Nazzjonalista li jitkellem hu dwar il-pensjonijiet meta l-Gvern jiftaħar li għolla l-pensjonijiet għall-ewwel darba f’25 sena. “Il-bażi soċjali ta’ ħafna oqsma nħolqu minn Gvernijiet Nazzjonalisti,” kien pront iwieġeb Psaila. Imma jibqa’ l-fatt li l-pensjonijiet ma żdidux, komplejna nistaqsuh. “Jibqa’ l-fatt li taħt amministrazzjonijiet Nazzjonalisti sar investiment kbir fil-livell tal-għixien tal-anzjani. Imma llum iċ-ċirkostanzi qed jinbiddlu, illum il-ħtiġijiet huma ħafna aktar kbar milli kienu qabel... in-nies qed jistennew is-soluzzjonijiet illum u l-Gvern ma jistax jibqa’ jġib ruħu daqslikieku qiegħed fl-Oppożizzjoni.
Il-PN u l-VGH, il-kirjiet, l-iskart u l-ħaddiema barranin
Fil-bidu tal-intervista, ma’ Frank Psaila tkellimna dwar it-telfa li ġarrab il-Partit Nazzjonalista u skontu waħda mir-raġunijiet kienet li l-PN iffoka fuq kwistjoni waħda biss meta n-nies xtaqu jisimgħu aktar fuq kwistonijiet li jolqtuhom ta’ kuljum.
Iżda l-Partit Nazzjonalista tgħallem? Qed jippreżenta ruħu bħala alternattiva għall-Gvern jew qed jikkritika biss? “Żgur mhux qed jikkritika biss,” saħaq Psaila waqt li kien pront ifakkar fil-kwistjoni tal-art f’Bulebel fejn skontu l-Partit Nazzjonalista tkellem maż-Żwieten, appella u l-Gvern kellu jmur lura mid-deċiżjoni li jibni l-fabbriki.
Semmejnielu ftit kwistjonijet li dwarhom qed jitkellem il-Partit Nazzjonalista u kif jindirizzawhom il-PN jekk ikun fil-Gvern.
X’inhi l-pożizzjoni tal-Partit Nazzjonalista dwar Private-Public Partnership fil-qasam tas-Saħħa? Insista li l-Partit Nazzjonalista mhux kontra l-privat fil-qasam tas-saħħa iżda huwa kontra li “b’daqqa ta’ pinna,” tliet sptarijiet jgħaddu f’idejn sid privat li ħadd ma jaf min hu. Fi kliemu n-nies inkwetati dwar dan u semma esperjenzi ta’ Għawdxin li skontu, marru biex jinqdew mill-Isptar ta’ Għawdex u sabu skrivani li ma jafux jaqraw. Iżda meta mistoqsi jekk il-Partit Nazzjonalista ikunx kuntent b’kumpanija serja li tieħu f’idha t-tmexxija tal-isptarijiet, Psaila qal biss li l-Partit Nazzjonalista huwa favur li s-servizz tas-saħħa għandu jibqa’ b’xejn u li l-Gvern għandu jibqa’ jkollu l-aħħar kelma fil-qasam tas-saħħa.
X’jagħmel il-Partit Nazzjonalista dwar l-għoli tal-kera? Frank Psaila insista li l-Partit Nazzjonalista ma jridx li jindaħal lis-sid privat, iżda saħaq li ma jistax ikun li sitt min-nies jibqgħu jgħixu “f’toqba.” Saħaq li l-PN qed jgħid li għandu jkun hemm skrutinju tas-suq u dan huwa l-ewwel pass biex jieqfu l-abbużi. Iżda meta tlabnieh jgħaddi proposta aktar konkreta, wieġeb biss li fl-aħħar mill-aħħar l-Partit Nazzjonalista qiegħed fl-Oppożizzjoni u l-azzjoni jrid jeħodha l-Gvern.
Qatt ma saret allegazzjoni waħda fuq Adrian Delia fi żmien kemm ilu Kap tal-Partit Nazzjonalista
X’inhi l-viżjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-qasam tal-iskart? Waqt li insista li l-PN għandu ‘track-record’ fil-qasam tal-Iskart, qal li l-Partit Nazzjonalista għadu qed ifassal il-politika ambjentali tiegħu u ċert li fix-xhur li ġejjin se joħroġ bil-proposti tiegħu. “Imma s-soluzzjonijiet illum tridhom mill-Gvern. X’investiment sar fil-Wasteserv? Lejlet l-elezzjoni jidħlu jaħdmu mal-400 ħaddiem u llum hemm ħaddiema ma għandhomx x’jagħmlu.”
U dwar il-barranin li ġejjin jaħdmu f’Malta? Għandu jkun hemm skrutinju. Il-Gvern għandu jagħmel pubblika l-lista sħiħa ta’ dawk il-persuni li qed jixtru ċ-ċittadinanza Maltija, saħaq Psaila. “Jiena moħħi mistrieħ li l-persuna li qed tgħix ħdejja hija tal-affari tagħha u mhux fil-mira ta’ persuni li jixtiequ jarawha tispiċċa ħażin?” Insista li l-affarijiet iridu jsiru bil-għaqal, jinħolqu setturi li jġibu lejn Malta ħaddiema tal-affari tagħhom, Korp tal-Pulizija li jitmexxa b’serjetà u li jonqsu l-ghettos li fi kliemu qed jinħolqu f’ċertu lokalitajiet.
Frank Psaila u l-Parlament Ewropew... x’jagħmel differenti?
Fl-aħħar nett, Frank Psaila kkonferma li se jkun qed joffri l-kandidatura tiegħu għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew waqt li faħħar il-ħidma tad-Delegazzjoni Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew. Insista li David Casa, Roberta Metsola u Francis Zammit Dimech qed jiddefendu lill-poplu waqt li jikkritikaw lill-Gvern. Insista li huma qed iwettqu ħidma kbira u huwa l-Gvern li qed jipprova jħammiġhom.
Mistoqsi x’jagħmel differenti fil-Parlament Ewropew, Frank Psaila qal li jrid jimbotta ’l quddiem kwistjonijiet li dwarhom qed jitkellmu n-nies. Insista li fost oħrajn, jaħdem għal aktar Fondi Ewropej għal Għawdex biex iżid l-investiment tiegħu f’oqsma bħall-agrikoltura u s-sajd, jaħdem għal Ewropa aktar soċjali, u anke biex Malta ma titpoġġiex fl-istess keffa ta’ pajjiżi kbar meta tiddiskuti l-problema tal-immigrazzjoni.