Każ Gaffarena | 'Il-PM wera kemm jemmen fil-liġi u fl-istituzzjonijiet'

Id-Deputati Robert Abela u Glenn Bedingfield saħqu li s-sentenza li ngħatat ilbieraħ fil-każ ta’ Triq Zekka reġgħet uriet id-differenza bejn il-partiti

Il-Partit Laburista saħaq li lbieraħ il-Prim Ministru Joseph Muscat reġa’ ta’ prova kemm jemmen fis-Saltna tad-Dritt u fl-istituzzjonijiet tal-pajjiż.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, id-Deputati Robert Abela u Glenn Bedingfield saħqu li s-sentenza li ngħatat ilbieraħ fil-każ ta’ Triq Zekka reġgħet uriet id-differenza bejn il-partiti. 

“Il-Partit Nazzjonalista hu interessat fl-ispin, il-kampanji politiċi u li jakkuża u jiġġudika hu,” insistew id-Deputati.

Fakkru kif wara rapport tal-Awditur Ġenerali, li wera kif  l-affarijiet setgħu saru aħjar minn naħa ta’ dak li kien id-Dipartiment tal-Artijiet, il-Prim Ministru aġixxa u fetaħ kawża il-Qorti “fl-interess tal-poplu Malti.”

Glenn Bedingfield qal li l-Prim Ministru seta’ għamel kif kien jiġri fi żmien Gvern Nazzjonalista, meta fi kliemu rapport tal-awditur ġenerali tpoġġew taħt it-trab.

Min-naħa tiegħu Abela fakkar li Simon Busuttil, li ddeskrivih bħala “politiku destinat biex jitlef,” kien qal li din hi kawża maħsuba biex tintilef.

Staqsa għalfejn minkejja d-diskors kollu, ħadd mill-Partit Nazzjonalista ma kien ħa pass.

L-Avukat Abela insista li Jason Azzopardi kellu sensiela ta’ rapporti, “fosthom bħad-deals tal-Fekruna u tal-Lowenbrau,” u li qatt ma ttieħdet azzjoni dwarhom.

Ilbieraħ il-Qorti ppreseduta mill-Imħallef Anna Felice annullat il-ftehim li sar bejn il-Gvern u Gaffarena fis-sena 2014.

Dan il-ftehim kien tratta esproprijazzjoni li meta inkixef il-każ kollu irriżulta illi minnha, allegatament, Gaffarena mar minn fuq b'madwar €1 miljun.

Il-każ kien wassal għar-riżenja tas-Segretarju Parlamentari Michael Falzon li dejjem ċaħad xi tip ta' involviment, anke jekk l-esproprijazzjoni kellu it-timbru finali tiegħu. 

Aqra hawn x’kien ġara eżatt pass pass.

More in Politika