L-MFSA tisħaq li qatt ma naqqset mis-superviżjoni tagħha fuq il-Bank Pilatus

L-MFSA ddefendiet l-għoti tal-liċenzja lill-Bank Pilatus saħqet li kienet saħansitra kkummissjonat “external intelligence report” indipendenti

L-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji saħqet li qabel ma ngħatat il-liċenzja lill-Bank Pilatus biex ikun jista’ jopera f’Malta, hija wettqet verifika intensiva għal diversi xhur u anke ħarset bir-reqqa lejn id-dokumenti tal-applikazzjoni.

Fi stqarrija kmieni dalgħodu, li fiha l-MFSA ddefendiet l-għoti tal-liċenzja lill-Bank Pilatus saħqet li kienet saħansitra kkummissjonat “external intelligence report” indipendenti.

Saħqet ukoll li wettqet superviżjonijiet u anke monitoraġġ tal-Bank skont dak miltub minnha, fosthom spezzjonijiet fl-istess bank u anke investigazzjonijiet kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, liema investigazzjonijiet saru flimkien mal-FIAU.

L-MFSA qalet ukoll li hi ħadmet fil-qrib ma’ regolaturi internazzjonali, fosthom l-Awtorità tar-Renju Unit dwar il-Kondotta Finanzjarja, l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u oħrajn.

Insistiet ukoll li kif isir dejjem, għadu għaddej eżami ta’ konformità komprensiv dwar l-operazzjonijiet tal-bank.

Fl-istess stqarrija, l-MFSA fakkret fil-miżuri li ħadet wara l-arrest taċ-ċermen kif ukoll sid u Direttur tal-Bank Pilatus Ali Sadr Hasheminejad.

L-MFSA ma ssospenditx il-liċenzja tal-Bank Pilatus kif talbet l-Oppożizzjoni, iżda kienet ordnat li

  • ikun sospiż Ali Sadr Hasheminejad u jitneħħa minn kull pożizzjoni li għandu fil-Bank;
  • Ma jitħallix jagħmel tranżazzjonijiet bankarji. La hu u lanqas xi ħadd li indirettament jew direttament għandu konnessjoni ma' Hasheminejad. 

Il-Bank Pilatus issa għandu bżonn l-approvazzjoni tal-MFSA biex isiru movimenti tal-assi tiegħu.

Wara li t-tneħħa Hasheminejad, l-MFSA ħatret lil Lawrence Connell, eksregolatur finanzjarju fl-Istati Uniti, biex jamministra l-assi u t-tmexxija tal-bank.

Hasheminejad kien arrestat fl-Istati Uniti fuq sitt akkużi serji li jistgħu jarawh iqatta’ l-bqija ta’ ħajtu l-ħabs jekk jinstab ħati.

Ma fhimtx eżatt x'ġara dwar il-Pilatus? Agħfas hawn biex issir taf aktar.

More in Politika