Il-Gvern ħareġ sejħa għall-offerti għall-bini mill-ġdid tar-roundabout ta’ Santa Luċija, liema proġett se jkun jinkludi żewġ mini taħt l-art.
Ħabbar dan il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali, Ian Borg, fejn spjega li b’investiment ta’ aktar minn €20 miljun, dawn il-mini se jkollhom erba' korsiji, biex it-traffiku jibqa' għaddej minn Vjal Santa Luċija għat-Triq tal-Barrani, jew bil-kontra, mingħajr ma tieqaf biex iddur mar-roundabout.
Apparti minn hekk, ir-roundabout se tinbena mill-ġdid biex ir-residenti ta' Santa Luċija, Ħal Tarxien u Raħal Ġdid jivvjaġġaw aħjar.
Il-Ministru saħaq li dan il-proġett se jitwettaq mill-aġenzija tal-infrastruttura tat-toroq li ser titwaqqaf fil-ġimgħat li ġejjin.
Fakkar kif l-investiment fir-roundabout ta' Santa Luċija jingħaqad mal-proġett tal-Kappara, it-twessigħ tal-Marsa-Ħamrun Bypass u l-proġett tal-flyovers tal-Marsa Junction.