Il-Ħaddiema tal-Aġenzija Sapport fl-għama dwar il-ftehim kollettiv

Minkejja li l-ftehim kollettiv għall-ħaddiema tal-Aġenzija Sapport skada fl-2016, la l-Gvern u lanqas l-Aġenzija ma wieġbu mistoqsijiet tal-ILLUM u tefgħu l-ballun f’saqajn id-DOI

Diversi tentattivi mill-gazzetta ILLUM biex tikseb informazzjoni mill-Aġenzija Sapport u l-Gvern, dwar il-ftehim kollettiv tal-ħaddiema, mhux talli sfaw fix-xejn talli l-ballun intefa’ f’saqajn id-Dipartiment tal-Informazzjoni, li ma nistgħux nifhmu eżatt x’għandu x’jaqsam.

Il-ftehim kollettiv ilu li skada mill-2016, iżda l-ħaddiema għadhom fl-għama dwar il-ftehim il-ġdid li qed ikun innegozjat bejn il-Unjin Ħaddiema Magħqudin (UĦM), l-Aġenzija u d-Dipartiment tar-Relazzjonijet Industrijali.

Din il-gazzetta bagħtet diversi mistoqsijiet lill-Aġenzija Sapport u anke lill-Ministeru għas-Solidarjetà Soċjali tistaqsi fiex waslu n-negozjati, jekk hemmx indikazzjonijiet meta se jiġu fi tmiemhom u dwar jekk hux minnu li hemm nuqqas ta’ qbil fuq xi klawsoli.

Iżda, għall-kuntrarju ta’ dak li jiġri s-soltu, kemm is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru, Mark Musù u anke l-Kelliema tal-Aġenzija Sapport, Rosalie Vella Piscopo, talbu lil din il-gazzetta biex tgħaddi l-mistoqsijiet lid-Direttur tal-Informazzjoni, Paul Azzopardi.

Dan minkejja li normalment, id-Dipartiment tal-Informazzjoni (DOI) jippubblika l-informazzjoni li jiġbor u mhux iwieġeb għall-mistoqsijiet tal-ġurnalisti.

Apparti minn hekk, ġurnata qabel ma ntlabna nibagħtu l-mistoqsijiet lil Paul Azzopardi, kelliema għall-Ministeru qalet lill-gazzetta li t-tweġibiet se jintbagħtu mill-Aġenzija Sapport.

Intant, sorsi li tkellmu mal-ILLUM qalu li huwa l-Gvern li qed iħoll u jorbot għax minkejja li ħafna mix-xogħol, min-naħa tal-UĦM, huwa lest, hemm xi klawsoli li mhux jaqbel magħhom.

Isabelle Farrugia, il-persuna responsabbli mill-ftehim kollettiv min-naħa tal-UĦM, ikkonfermat li l-bażi ta’ dan il-ftehim huwa lest u li l-ġimgħa li għaddiet saret laqgħa bejn il-Unjin, it-tmexxija tal-Aġenzija u anke d-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali.

Minkejja dan, Farrugia ma kinitx f’pożizzjoni li tgħid ma’ din il-gazzetta x’qed ikun innegozjat u jekk hemmx xi klawżoli li dwarhom ma hemmx qbil.

Qalet biss li huwa minnu li l-ftehim jista’ jkun qed jieħu fit-tul iżda “qed nitkellmu fuq miljuni ta’ ewro.”

“Irrid nimxi bil-għaqal għax irrid li l-affarijiet isiru sewwa,” saħqet Farrugia. “L-għan tiegħi huwa li nlestih malajr kemm jista’ jkun.”

Fakkret li d-dokument lanqas mhu se jkun finali meta jitlestew in-negozjati għax fl-aħħar mill-aħħar huma l-ħaddiema li se jivvutaw għalih.

Diversi ħaddiema li tkellmu ma’ din il-gazzetta saħqu li jixtiequ jkunu jafu fiex wasal dan il-ftehim għax minn meta skada baqgħu ma semgħu xejn, la mill-unjin u lanqas mit-tmexxija tal-Aġenzija.

Fost affarijiet oħra, il-ħaddiema qed jinsistu li għandu jkollhom kundizzjonijiet aħjar tax-xogħol, fosthom paga aħjar li tkun tirrifletti r-responsabbilità li għandhom.

Żewġ impjegati, li jaħdmu fi grad ta’ support worker saħqu li paga ta’ €1,200 fix-xahar ma tirriflettix ir-responsabbilità u x-xogħol li għandhom. Wieħed minn dawk li jaqbdu din il-paga ilu tmien snin jaħdem mal-Aġenzija Sapport.

L-Aġenzija Sapport toffri diversi servizzi lill-persuni b’diżabilità u lill-familji tagħhom.

L-għan tal-Aġenzija huwa li toffri sapport aktar minn kura, biex persuni b’diżabilità jgħixu ħajja kemm jista’ jkun indipendenti u jkomplu jgħixu fil-komunità.

L-Aġenzija Sapport kienet tifforma parti mill-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali iżda saret aġenzija awtonoma f’April tal-2016.

More in Politika