Il-Pulizija jiċħdu li l-Bank Pilatus kien preżenti waqt l-interrogazzjoni ta' Efimova
Il-Korp jagħmel referenza għal rapporti fil-midja fejn Efimova allegat li ġiet maltrattata minn żewġ uffiċjali tal-Pulizija f'Awwissu tal-2016
minn Yendrick Cioffi
Il-Korp tal-Pulizija fi stqarrija ċaħad allegazzjonijiet li żewġ uffiċjali tiegħu mbuttaw, trattaw ħażin u ħadu l-mowbajl ta’ Maria Efimova meta kienet interrogata f’Malta f’Awwissu tal-2016.
Il-Pulizija għamlu referenza għal intervista li sit tal-aħbarijiet Grieg, Kathemerini, għamel ma' Efimova fejn saħansitra allegat li waqt l-interrogazzjoni kien hemm preżenti uffiċjali ta’ Pilatus Bank u li l-pulizija bdew jagħmlulha pressjoni biex titlobhom maħfra.
L-istqarrija tal-Pulizija tagħmilha ċara li qed tiċħad kategorkament l-allegazzjonijiet kollha, b’mod partikolari li kien hemm rappreżentanti tal-bank waqt l-interrogazzjoni.
Wara li Maria Efimova kienet ħalliet Malta ħabta u sabta, kienu ħarġu żewġ mandati ta’ arrest Ewropew. F'wieħed minnhom hija tinsab akkużat li ffrodat lil Pilatus Bank mentri fl-ieħor li għamlet akkużi foloz fil-konfront tas-Supretendent Dennis Theuma, l-Ispettur Lara Butters u l-eks-Spettur Jonathan Ferris.
Isem Efimova kien tfaċċa meta nhar it-28 ta’ April tal-2017, Daphne Caruana Galizia kienet qalet li din il-Whistleblower kienet telgħet tixhed quddiem il-Maġistrat Aaron Bugeja wara l-allegazzjonijiet li f'safe fil-kċina tal-Bank Pilatus kienet rat dokumenti li juru li l-kumpanija Egrant fil-Panama hija ta’ mart il-Prim Ministru, Michelle Muscat, allegazzjoni li ġiet miċħuda kemm-il darba minn Joseph Muscat u martu. Il-Prim Ministru kien saħansitra fetaħ inkjesta maġisterjali.
Caruana Galizia dakinhar żvelat ukoll li din kienet eks impjegata tal-Bank Pilatus u li damet quddiem il-Maġistrat Bugeja tliet sigħat. Hija qalet ukoll li kienet qed tikteb il-blogg bil-permess tagħha.
Is-sit illum.com.mt kien żvela li din il-mara kienet tkeċċiet mill-Bank f’Marzu 2016 u kienet qed tiġi mfittxija talli użat fondi mill-bank għal skopijiet privati. Kien żvelat ukoll kif kienet diġà ġiet investigata mill-pulizija u kienet il-Qorti li akkużata bi frodi u rapporti foloz.
Min-naħa tagħha, Efimova dejjem sostniet illi hi qatt ma tħallset ta’ internship li kienet għamlet mal-Bank Pilatus. Il-Bank ċaħad u sostna illi din kienet allegazzjoni ‘falza’.
Il-Bank akkużaha wkoll u allega illi fi proċess ta’ ‘booking’ tal-lukanda fil-Ġermanja hi bbukkjat kamra addizzjonali għaliha u tellgħet lill-familja għall-ispejjeż tal-bank. Kien żvelat ukoll kif il-mara kienet biddlet l-avukat tagħha u sussegwentement beda jidher għaliha avukat mill-uffiċċju ta’ Ann Fenech.
L-għada, Caruana Galizia qalet li mhux veru illi Efimova wettqet reat ta’ frodi u spjegat din kienet ħadmet għal tliet xhur għall-Pilatus u qatt ma tħallset, anke jekk kienet imwiegħda li se tirċievi l-paga permezz tal-posta. Caruana Galizia kienet kitbet hekk: “Malli l-Bank sar jaf bir-rapport, huma (il-Bank Pilatus) mill-ewwel fetħu rapport b’ritaljazzjoni kontriha u akkużawha li kienet qed tuża l-flus tal-bank biex issiefer mal-familja... żammewha f’ċella minn filgħodu sa filgħaxija...”
Efimova tat ruħha f’idejn il-Pulizija Ċiprijotta u kien dan is-sit li żvela li qed tinżamm fil-Ħabs Grieg Korydallos, fejn mar iżurha wkoll l-Ewroparlamentari David Casa.
Għalkemm ħafna qed jisħqu li għandha tingħata l-protezzjoni mill-Greċja, il-Kummissarju tal-Pulizjja kien qal mal-ILLUM, li l-awtoritajiet Griegi huma obbligati li jibagħtuha lura.
Aqra wkoll: