Aġġornata| Il-BirdLife tinsisti li l-Gvern għandu jgħaddi r-responsabbiltà tal-infurzar lura f’idejn l-ERA

Skont BirdLife Malta t-taqsima tar-Regolamentazzjoni għall-Għasafar Selvaġġi 'falliet milli tilħaq uħud mill-miri prinċipali tagħha.'

F'reazzjoni wara r-riżenja tal-kap tat-Taqsima tar-Regolamentazzjoni għall-Għasafar Selvaġġi (Wild Birds Regulation Unit, WBRU) Sergei Golovkin, BirdLife Malta qalet li "tħoss li dan huwa l-mument opportun biex il-Gvern jgħaddi r-responsabbiltajiet tal-infurzar tal- liġijiet tal-Konservazzjoni tal-Għasafar Selvaġġi f’idejn l-Awtorità Maltija tal- Ambjent u r-Riżorsi (ERA)."

Fi stqarrija BirdLife Malta qalet li "kien ċar sa mill-bidu li din it-taqsima falliet milli tilħaq uħud mill-miri prinċipali tagħha, l-aktar dawk relatati mal-infurzar, minħabba n-nuqqas ta’ kompetenza f’dan il-qasam, speċjalment fejn għandu x’jaqsam mal-ornitoloġija.

BirdLife Malta qed tinsisti li "kienet, u tibqa’, il-politika tal-Gvern li tiddetermina kif l-aġenziji tiegħu, u allura anke l-impjegati taċ-Ċivil fi ħdanhom, joperaw."

 BirdLife Malta sostniet li hi "temmen bis-sħiħ li waqt li d-WBRU għandha tibqa’ l-aġenzija li tissorvelja d-derogi mid-Direttiva Ewropea tal-Għasafar u d-dmirijiet amministrattivi u leġiżlattivi marbutin magħha, ir-responsabbiltà tal-infurzar għandha tiġi mgħoddija lura f’idejn l-ERA li għandha persuni kompetenti li għandhom il-ħiliet meħtieġa biex jieħdu ħsieb l-infurzar b’mod aktar effiċjenti."

Intant hekk kif fl-ewwel t’April 2018 fetaħ l-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa għas-summiena, is-Segretarju Parlamentari Clint Camilleri ltaqa’ ma’ rapreżentanti tal-FKNK, tal-Pulizija, WBRU, kif ukoll tal-Birdlife fejn intlaħaq qbil sabiex jitwaqqaf kumitat ad hoc illi ser ikun qiegħed jevalwa u jiddiskuti l-andament tal-istaġun minn aspetti differenti, fosthom l-infurzar.

Dan il-kumitat ser ikun qiegħed jiltaqa’ b’mod frekwenti u ser ikun qiegħed iservi bħala pjattaforma sabiex l-esponenti fi ħdanu jkollhom il-faċilità li jagħtu rendikont tax- xogħol li jkun qiegħed isir, filwaqt li jiġi ffaċilitat aktar il-koordinament ta’ informazzjoni u tagħrif ieħor bejn il-partijiet konċernati.

 

 

More in Politika