'Intom prova ħajja ta’ kif politika tajba tal-integrazzjoni tista’ tkun suċċess'

...jgħid Muscat lill-Maltin li qed jgħixu fl-Awstralja f'laqgħa mal-komunità Maltija fi Brisbane....

Il-PM Muscat ma' martu Michelle u uliedu fi Brisbane...
Il-PM Muscat ma' martu Michelle u uliedu fi Brisbane...

Ġenerazzjonijiet differenti ta’ Maltin li jgħixu fi Brisbane, l-Awstralja ltaqgħu mal-Prim Ministru Joseph Muscat u mas-Sinjura Michelle Muscat.  Il-Prim Ministru qal li meta kien mistieden mill-Gvern ta’ Queensland biex bħala chair-in­-office jattendi għal-logħob tal-Commonwealth f’Gold Coast, għażel li jżur Brisbane biex jiltaqa’ ma’ din il-komunità Maltija li ma tantx kellha żjarat minn mexxejja Maltin.

Minkejja li l-komunità hi meqjusa bħala żgħira, kienu ħafna l-persuni li taw merħba lill-Prim Ministru u rrakkontawlu d-dixxendenza Maltija tagħhom.

F’diskors tal-okkażjoni, Dr Muscat qal li fit-taħditiet li kellu fi Brisbane inkluż mal-Gvernatur Ġenerali tal-Commonwealth fl-Awstralja, sema’ biss kliem ta’ tifħir dwar il-komunità Maltija, deskritta bħala riżorsa umana bieżla u ta’ inizjattiva.

Kif għamel mal-komunità Maltija f’Melbourne il-ġimgħa li għaddiet, il-Prim Ministru ħeġġeġ lill-Maltin biex filwaqt li dejjem iżommu t-tradizzjonijiet Maltin ħajjin, ma jibnux ħitan li jrenduhom parti minn minoranza fl-Awstralja iżda li jħossuhom parti integrali tas-soċjetà.

“Intom prova ħajja ta’ kif politika tajba tal-integrazzjoni tista’ tkun suċċess għall-komunitajiet”, qal il-Prim Ministru li semma li Malta qed ikollha bżonn ħaddiema barranin biex jimtlew il-postijiet tax-xogħol kollha li qed jinħolqu.

Tant hemm numru ta’ ulied ulied dawk li marru fl-Awstralja biex isibu impjieg, li issa qed jikkunsidraw li jiġu Malta għax-xogħol. Il-Prim Ministru temm jgħid li qed iħares ’il quddiem biex jerġa’ jiltaqa’ ma’ persuni minn din il-komunità lura f’Malta fejn it-talent tagħhom jista’ jerġa’ jintuża f’art twelid il-ġenituri tagħhom.

More in Politika