Aġġornata| Attivisti jidħlu jipprotestaw waqt laqgħa tal-Awtorità tal-Ippjanar

Il-Bord kien qed jiddiskuti l-applikazzjoni dwar pompa tal-petrol f’Ħal Luqa

Dalgħodu attivisti minn Kamp Emerġenza Ambjent, flimkien mal-Moviment Graffiti, daħlu jipprotestaw waqt laqgħa tal-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar li kien qed jiddiskuti l-applikazzjoni dwar pompa tal-petrol f’Ħal Luqa.

Waqt il-protesta, l-avvisti saħqu li qed jesiġu li l-ebda applikazzjoni għall-pompi tal-petrol fuq art ODZ ma għandha tiġi pproċessata qabel ma tkun riveduta l-politika kif talab li jsir il-Ministru għall-Ambjent.

Il-laqgħa waqqfet għal xi ħin sakemm tkompliet f'post ieħor. Minkejja dan id-deċiżjoni ġiet diferita wara li l-applikazzjoni ġabet 5 voti favur u 5 kontra.

Fi stqarrija, Kamp Emerġenza Ambjent u Graffiti saħqu li bħalissa hemm 14-il applikazzjoni għall-pompi tal-petrol fuq art ODZ, b’erba’ minnhom ġa approvati.

“Kieku b’kollox dawn jieħdu spazju li huwa ikbar mill-fosos tal-Furjana għal ħames darbiet,” saħqu l-attivisti. Il-ġustifikazzjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar li l-Fuel Service Station Policy, li tippermetti pompi tal-petrol fuq art ODZ, tfasslet biex jiġu mneħħija l-pompi tal-petrol minn żoni urbani, hija biss skuża bażwija.”

Huma saħqu li l-politika kif imfassla bħalissa, ma tippermettix biss iċ-ċaqliq tal-pompi eżistenti, imma wkoll il-bini ta’ oħrajn ġodda. Insistew li l-pompi tal-petrol li diġa jeżistu f’inħawi mibnija jistgħu jiġu rilokati f’’areas of containment’ li la jkunu urbani u lanqas art ODZ.

“It-tielet, li dawn l-istrutturi jiġu msejħa pompi tal-petrol hija ħaġa qarrieqa għaliex fil-parti l-kbira tagħhom dawn huma ħwienet mhux pompi tal-petrol. “

 

“Il-fatt li l-PA qegħda tgħaddi qisha gaffa minn fuq l-interessi tal-poplu biex tintgħoġob minn klassi żgħira ta’ żviluppaturi qed toħloq emerġenza ambjentali f’pajjiżna,” ittemm tgħid l-istqarrija.

Din il-pompa tel-petrol, li dwarha kienet għaddejja l-laqgħa, hija proposta li tinbena fuq mhedda ta’ 3,000 metru kwadru fi Triq Ħal Qormi, biswit il-Water Services Corporation, żewġ passi ‘l bogħod minn oħra. Għalkemm l-applikazzjoni kienet għar-rilokazzjoni tal-pompa tal-petrol f'Rue D'Argens f'Tas-Sliema, magħha żdiedu għadd ta' faċilitajiet oħra.

L-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi qed topponi dan l-iżvilupp u insistiet li jekk jingħata l-permess, se jkun qed jinħoloq preċedent għal aktar żviluppi fl-istess triq.

"Il-permessi għall-pompi tal-petrol ħerġin bħall-pastizzi" - AD

Fi stqarrija b'reazzjoni, iċ-Ċerpersin tal-Alternattiva Demokratika Carmel Cacopardo faħħar dak li għamlu dawn l-attivisti.

"Li għandna bżonn u li jibdew jagħlqu dawk li hawn mhux li jiftħu l-ġodda," saħaq Cacopardo.

Fakkar li xhur ilu l-Prim Ministru kien iddikjara li l-Gvern jaqbel li jispiċċaw mit-toroq Maltin karozzi li jaħdmu bil-petrol u bid-diesel u li fil-futur il-karozzi kollha jkunu jaħdmu bl-elettriku. 

"Il-politika li biha l-permessi għall-pompi tal-petrol ħerġin bħall-pastizzi hi għodda għall-ispekulazzjoni tal-art u l-Awtoritá tal-Ippjanar flimkien mal-Gvern u l-Oppożizzjoni huma kompliċi f’din l-ispekulazzjoni," saħaq Cacopardo.

L-istqarrija ttemm takkuża lill-Awtoritá tal-Ippjanar li qed tagħmel il-ħsara lill-ġenerazzjonijiet futuri u li tiġi taqa' u tqum mill-ambjent u mill-kwalità tal-ħajja tan-nies."

More in Politika