Il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna se jkun qed jiltaqa’ mat-tmexxija tal-HSBC wara li lbieraħ Bloomberg irrappurtat li l-Bank qed jikkunsidra li jitlaq jew ibiegħ l-operazzjonijiet f’pajjiżi żgħar fosthom Malta.
Fl-ewwel reazzjoni mal-MaltaToday, il-Ministru Scicluna qal li l-bank kien infurmah minn qabel li rapport fuq Bloomberg kien se jsemmi lil Malta bħala wieħed mill-pajjiżi li minnu qed jikkunsidra li jitlaq bħala parti minn stateġija globali ġdida.
Il-Ministru saħaq li informa lill-Prim Ministru dwar dan l-iżvilupp filwaqt li insista li dawn għadhom biss spekulazzjonijiet.
Filwaqt li qal li ma hemm l-ebda raġuni għalfejn wieħed għandu jiddubita mir-rapport ta’ Bloomberg, saħaq li ma għandu l-ebda informazzjoni dwar xi laqgħa li saret u li fiha ssemmiet din il-possibilità.
“Jekk seħħet, għadhom qed jiddiskutu,” qal il-Ministru. “Il-Bank għandu Kap Eżekuttiv ġdid u qed iħares lejn mudell ġdid għall-banek f’60 pajjiż li fihom jopera.”
Insista li l-prijorità għal Malta hija li tkun ippreparata għal kull eventwalità.
Ir-rapport qal li l-Bank jopera f'67 pajjiż u qed jippjana li jitlaq jew ibiegħ l-operazzjoni minn pajjiżi żgħar bħal Malta, Bermuda u l-Uruguay.
Il-Bank HSBC f'Malta sejjaħ ir-rapporti tal-Bloomberg bħala spekulazzjoni.