L-MDA tiddeskrivi dak li għamlu attivisti favur l-ambjent bħala illegali

Ilbieraħ, l-attivisti daħlu waqt laqgħa tal-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar li kien qed jiddiskuti l-applikazzjoni dwar pompa tal-petrol f’Ħal Luqa

L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Iżviluppaturi kkundannat dak li lbieraħ għamlu attivisti tal-Kamp Emerġenza Ambjent u tal-Moviment Graffiti u ddeskriviet l-azzjoni tagħhom bħala illegali għax għamlu pressjoni fuq l-Awtorità tal-Ippjanar.

Ilbieraħ, l-attivisti daħlu waqt laqgħa tal-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar li kien qed jiddiskuti l-applikazzjoni dwar pompa tal-petrol f’Ħal Luqa.

Il-laqgħa waqqfet għal xi ħin sakemm tkompliet f'post ieħor. Minkejja dan id-deċiżjoni ġiet diferita wara li l-applikazzjoni ġabet 5 voti favur u 5 kontra.

Fi stqarrija l-MDA insistiet li kull deċiżjoni, hi x’inhi l-kwistjoni, għandha tittieħed bis-serenità mingħajr l-ebda tip ta’ pressjoni.

Saħqet li hi dejjem ikkundannat żviluppaturi li jieħu l-liġi b’idejhom u nsistiet li l-liġi għandha tapplika l-istess għal kulħadd. Għalhekk qalet li qed tikkundanna dak li għamlu l-attivisti filwaqt li insistiet li tirrikonoxxi d-dritt tagħhom li jipprotestaw u jsemmgħu leħinhom.

“Il-mod kif dawn l-attivisti ġabu ruħhom eskluda l-possibilità ta’ smigħ xieraq dwar din l-applikazzjoni ta’ żvilupp,” saħqet l-Assoċjazzjoni.

Fakkret li hi ma kinitx qablet mal-politika dwar il-pompi tal-petrol meta dwarha kienet għadha għaddejja konsultazzjoni pubblika.

Filwaqt li qablet li l-politika dwar il-pompi tal-petrol tkun riveduta, l-MDA insistiet li wieħed għandu jikkunsidra wkoll id-drittijiet ta’ dawk li jinvestu l-flus fi propjetà u japplikaw għal żvilupp skont politika eżistenti.

More in Politika