Il-President u l-Viċi President tal-Assoċjazzjoni Nazzjonali tal-Pensjonijiet wrew it-tħassib tagħhom għal fatt li skonthom, ħafna pensjonanti qed iħossuhom miexja lejn il-faqar.
F’intervista fuq il-MaltaToday, il-Viċi President tal-Assoċjazzjoni Nazzjonali tal-Pensjonanti saħaq li qed ngħixu f’illużjoni. Fi kliemu, “hawn il-ġid, iżda mhux qed jasal għand kulħadd. Żġur mhux qed jasal għandna.”
Huwa kien qed jitkellem wara li l-President tal-Assoċjazzjoni, Louis Cilia tkellem dwar dawk il-koppji anzjani li jirċievu biss pensjoni waħda. Spjega li ħafna minn dawn jirċievu pensjoni ta’ €150 fil-ġimgħa li titla’ għal €170 bil-bonuses.
Filwaqt li saħaq li dawk li jirċievu żewġ pensjonijet jgħadduha tajjeb, saħaq li jassumi li l-maġġoranza jirċievu pensjoni waħda, għax snin ilu ftit kienu dawk in-nisa li jaħdmu.
Waqt li tkellmu fuq ir-riforma fil-pensjonijiet, fosthom il-proposta tal-“equivalised pensions,” iż-żewġ mexxejja tal-Assoċjazzjoni saħqu li l-mira li din tkun implimentata kollha kemm hi sal-2027, hija wisq ‘il bogħod. Qalu li jistennew li tkun implimentata kollha kemm hi sal-aħħar tal-leġiżlatura.
Mallia kompla jitkellem dwar il-kwistjoni tal-kirjiet, li fi kliemu, qed tgħaffeġ lill-pensjonanti.
Jekk inti qed tgħix fuq €700 kull xahar u għandek kirja ta’ €300 (waqt li fakkar li llum dan l-ammont huwa kkunsidrat bħala baxx) se jifdallek €400 li bihom trid twassal sal-aħħar tax-xahar.
“Kif tista tistenna li se jgħixu fuq dikil-pensjoni u ma jkunux ikkunsidrati f’riskju ta’ faqar?”, saħaq Mallia.
Kompla jfakkar li skont l-Att dwar il-Pensjonijiet il-pensjonijiet għandhom jiġu riveduti kull sena, biex jirriflettu s-salarji jew ftehmiet kollettivi ġodda. Iżda dan mhux qed iseħħ saħaq Carmel Mallia.
Louis Cilia fakkar ukoll li l-ispejjeż ġeneralment jiżdiedu mal-età u dan anke għall-anzjani.
Fakkar li hawn pensjonanti li jonfqu mal-€130 fix-xahar f’mediċini biss. Oħrajn jonfqu aktar u kollox irid jinħareġ minn pensjoni ta’ €170 fil-ġimgħa..
“Il-biċċa l-kbir tal-pensjonanti Maltin mhux qed ilaħħqu,” temm jgħid Cilia. “Veru li l-Gvern iħallas għal ħafna mediċina imma xi darba jew oħra dejjem se jkollok bżonn mediċina li l-Gvern ma jipprovdix.”