Il-Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u t-Tibdil fil-Klima se jkun qed jieħu passi kontra l-isparar fuq il-ħamiem selvaġġ.
Dan wara l-każ li seħħ ilbieraħ fejn kaċċaturi dehru jisparaw u joqtlu l-ħamiem selvaġġ.
Fi stqarrija, il-Ministeru kkundanna dan l-att u saħaq li l-isparar imur kontra l-politika tal-Gvern dwar il-mod kif jitneħħa l-ħamiem selvaġġ.
“Jeżistu metodi oħrajn biex jitneħħa l-ħamiem selvaġġ minħabba kwistjoni ta’ saħħa pubblika, li hu iktar sigur,” ittemm tgħid l-istqarrija.
L-isparar kien ordnat mill-Kunsill Lokali tal-Birgu.
Mhux l-ewwel darba li l-Kunsill Lokali tal-Birgu ordna li kaċċaturi jisparaw fuq il-ħamiem biex tonqos il-populazzjoni. Is-sena li għaddet il-Gvern kien intervjena ġurnata qabel kellu jseħħ dan l-att u wiegħed li se jkun qed jgħin lill-Kunsill biex jikkontrolla l-problema tal-ħamiem.
Is-sena li għaddiet, San Ġiljan, Tas-Sliema, Bormla u Ħal Balzan ukoll kienu talbu l-għajnuna ta' kaċċaturi biex inaqqsu din il-problema.