Il-ħaddiema tal-HSBC fl-għama wara r-rapport ta’ Bloomberg

Ħaddiema li kellhom opportunitajiet ġodda ta’ xogħol qalu mal-ILLUM li għalissa kollox wieqaf

Ħaddiema tal-bank HSBC jinsabu fl-għama dwar il-futur tagħhom hekk kif wara li din il-ġimgħa ħarġet l-aħbar li l-Bank qed jikkunsidra li jħalli Malta, ħadd mit-tmexxija ma tkellem mal-impjegati.

Il-gazzetta ILLUM tkellmet ma’ għadd ta’ ħaddiema, kemm dawk li jaħdmu fil-kwartieri ta’ Ħal Qormi u anke dawk li jaħdmu fil-fergħat. Kollha l-istess kelma: “Lilna ħadd ma qalilna xejn.”

Ħaddiema oħra, li kellhom opportunitajiet ġodda ta’ xogħol mal-istess bank, qalu ma’ din il-gazzetta li għalissa kollox jinsab wieqaf.

Anke maniġers tal-fergħat u persuni f’karigi aktar għolja fil-bank ma jafu xejn u ma semgħu xejn.

Ikkuntatjat minn din il-gazzetta, il-President tal-Unjin Maltija għall-Impjegati tal-Banek (MUBE), William Portelli, irreferiena għall-istqarrija maħruġa nhar l-Erbgħa 4 ta’ April, meta faqqgħet l-aħbar fuq Bloomberg.

Minkejja dan, ma weġibx jekk minn dakinhar il-unjin tkellmitx mal-HSBC u jekk kienx hemm xi żviluppi, għalkemm fl-istqarrija qalet li se tkompli ssegwi l-iżviluppi kollha u anke jkollha l-assigurazzjoni tat-tmexxija tal-bank.

Ir-rapport, li ħasad lil bosta, jgħid li l-Bank, li jopera f'67 pajjiż qed jippjana li jitlaq jew ibigħ l-operazzjoni minn pajjiżi żgħar bħal Malta, Bermuda u l-Uruguay. 

Bloomberg ikompli jgħid li huma l-Kap Eżekuttiv ta' HSBC Holdings John Flint u ċ-Ċermen tal-istess bank Mark Tucker li qed jikkunsidraw li jnaqqsu l-ħidma tal-bank madwar id-dinja fi pjan li għandu jkun żvelat fix-xhur li ġejjin.

Immedjata kienet ir-risposta tal-HSBC. “Dawn huma spekulazzjonijiet.”

L-MUBE kellha l-istess reazzjoni meta fi stqarrija ddeskriviet ir-rapport bħala “spekulazzjoni negattiva,” waqt li tefgħet dubju fuq ir-rapport ta’ Bloomberg.

Iżda minkejja li l-aħbar malajr ġiet deskritta bħala spekulazzjoni, fl-ewwel reazzjoni tiegħu mal-MaltaToday, il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna saħaq li l-Gvern kien diġà ġie infurmat mill-bank stess li Bloomberg kien se jippubblika dan l-artiklu.

Il-Ministru Scicluna qal ukoll li Bloomberg huwa sit tal-aħbarijiet li wieħed jista’ joqgħod fuqu u għalhekk saħaq li jista’ jkun li saret il-laqgħa li jsemmi r-rapport u li fiha ssemmiet il-possibbilità li l-bank iħalli Malta.

“Huwa kredibbli li din il-laqgħa saret,” qal il-Ministru. “Jekk saret ifisser li għadhom qed jiddiskutu.”

Il-Professur Scicluna qal ukoll li fil-jiem li ġejjin se jkun hemm diskussjonijiet mat-tmexxija tal-HSBC biex il-Gvern ikun infurmat.

Mal-istazzjon nazzjonali, il-Ministru qal ukoll li sorsi viċin l-industrija tal-banek li jekk fl-aħħar mill-aħħar il-bank jiddeċiedi li jgħaddi l-operat lil investituri oħra, il-proċess mhux se jseħħ mil-lum għall-għada għax, fost affarijiet oħra jkun hemm bżonn l-approvazzjoni tal-awtoritajiet regolatorju Maltin u anke tal-Unjoni Ewropea.

Filwaqt li saħaq li wieħed ma jistax jinfaxxa rasu qabel jaqsamha, il-Ministru qal li din hija twissija li wieħed għandu jżommha taħt osservazzjoni.

Temm jgħid li f’dan l-istadju, il-prijorità hija li Malta tkun ippreparata għal kull eventwalità.

More in Politika