Hekk kif f’pajjiżna għaddejja diskussjoni dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-kwoti għan-nisa fil-politika kif ukoll fuq il-post tax-xogħol, rapport mill-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri tal-Parlament Ewropew jitfa’ dawl xejn pożittiv fuq in-nisa fid-dinja tal-midja u l-ġurnaliżmu.
Fil-fatt ir-rapport li kien miktub mill-MEP Michaela Sojdrova juri kif minkejja li fl-2015 fit-28 pajjiż tal-Unjoni Ewropea 68% tal-gradwati fil-ġurnaliżmu kienu nisa, informazzjoni dwar ix-xogħol bejn l-2008 u l-2015 turi li n-nisa impjegati f’dan is-settur huwa ta’ 40% biss. Diskrepanza pjuttost kbira li tista’ tindika illi wħud minn dawk in-nisa li fil-fatt jkunu gradwati fil-ġurnaliżmu, mhux neċessarjament ikomplu fuq din il-linja fid-dinja tax-xogħol.
L-istess rapport juri kif il-perċentwal ta’ nisa f’kariga eżekuttiva fil-qasam tal-midja għadha baxxa u ferm taħt dak li huwa meqjus bħala bilanċ. Fil-fatt huma biss 34% dawk in-nisa li huma f’pożizzjonijiet eżekuttivi fil-kmamar tal-aħbarijiet u fid-dinja tal-midja in ġenerali, filwaqt li huma biss 22% dawk in-nisa li jservu bħala Presidenti tal-Bord.
Ir-rapport jgħid li, “nisa għadhom qed jiffaċċjaw impediment biex jikbru fil-midja u jista’ jkun li m’għandhomx opportunitajiet indaqs għall-promozzjoni u avvanz tal-karriera, minħabba diversi fatturi inkluż il-kultura tal-organizzazzjoni li xi drabi ma tiffavorixxix il-bilanċ ta’ xogħol u ħajja... fejn nisa għandhom inqas poter li jiddeċiedu f’qafas li fih isiru d-deċiżjonijiet.”
Ir-rapport juri kif minn riċerka jirriżulta li 4% tal-aħbarijiet biss huma kontra l-esebizzjoni jew ix-xandir tal-isterjotip, filwaqt li n-nisa jissemmew f’ 24% biss tal-aħbarijiet li nisimgħu jew naqraw. Ir-rapport ikompli jgħid li 37% tal-aħbarijiet huma rrapportati minn nisa filwaqt li l-midja tikkomunika aktar man-nisa dwar esperjenzi personali. Fil-fatt 41% tad-drabi n-nisa huma mistoqsijin dwar l-opinjoni tagħhom, filwaqt li f’38% tal-każi huma mistoqsijin dwar esperjenza personali, huma fi 17% tal-każi biss li nisa huma kkwotati bħala esperti.
Rata għolja ta’ abbuż u theddid fuq nisa fil-midja
Hekk kif dalwaqt ikunu għaddew sitt xhur mill-mewt ta’ Daphne Caruana Galizia, li fil-fatt flimkien ma’ Veronica Guerin, tissemma f’dan ir-rapport, hemm miktub kemm hu aktar ostili għan-nisa x-xogħol fil-midja.
“Il-fastidju (li r-rapport jgħid li qed jiżdied) għandu l-potenzjal li jagħlaq ħalq in-nisa u jdgħajjef il-potenzjal tal-parteċipazzjoni tagħhom fis-soċjetà,” jgħid ir-rapport qabel imbagħad ikompli jiżvela ċ-ċifri ta’ nisa li qalu li esperjenzaw xi forma ta’ abbuż. Madwar id-dinja 50% tan-nisa fil-midja esperjenzaw abbuż sesswali, filwaqt li 25% esperjenzaw atti fiżiċi vjolenti. 75% esperjenzaw xi forma ta’ intimidazzjoni, theddid jew abbuż.
Ir-rapport jagħmel diversi proposti, fosthom jisħaq bil-qawwi favur il-bżonn li l-midja inġenerali tgħaddi messaġġi kontra kull tip ta’ sterjotip. “B’urġenza l-midja madwar l-UE għandha timplimenta politika ta’ ħlas ugwali għal xogħol ugwali,” jgħid ir-rapport li jissottolinea wkoll kif minħabba r-realtajiet ta’ diġitalizzazzjoni tal-midja diversi nies, fosthom nisa qed jitħaddmu b’kuntratti partikolari u “atipiċi”.
Ir-rapport jinsisti wkoll favur il-bżonn ta’ promozzjoni ta’ kontenut favur ugwaljanza bejn il-ġeneri u tisħaq ukoll illi minkejja l-libertà tal-espressjoni, “il-libertà editorjali m’għandhiex, taħt ebda ċirkostanza, isservi biex tinkoraġġixxi u tilleġitimizza stampa degradanti ta’ nisa u nies LGBT.”
Ir-rapport jgħid li l-midja għandha tkun ħielsa minn kull ħaġa li tinċita l-vjolenza u l-mibgħeda kontra grupp ta’ persuni jew persuna.
Ir-rapport kien approvat b’25 membru tal-Kumitat jivvutaw favur u erba’ kontra. Dawk kontra kienu l-membri tal-European Conservatives and Reformists (ECR) u l-Front Nazzjonali Ewropew (ENF).