Filmat | 'Kontra l-abort, anke f'każ ta' stupru'

Fl-ewwel parti ta' intervista li dehret fuq il-gazzetta ILLUM Il-Ministru Helena Dalli tagħmilha ċara li hi kontra l-abort dejjem u f'kull każ...

Il-Ministru Helena Dalli ħdejn il-PM Muscat
Il-Ministru Helena Dalli ħdejn il-PM Muscat

Helena Dalli. Min jaraha bħala musbieħ ta’ tama għal pajjiż iktar progressiv u inklussiv u min jaraha bħala l-mara li daħlet liġijiet moralment rigressivi li għamlu ħsara lill-familja, fil-forma strettament eterosesswali kif jifhmuha huma.

Niltaqgħu ma’ Dalli u nħarsu lura, lejn it-tragwardi fil-qasam tal-LGBTIQ. Ħafna jgħidu li issa f’dan il-qasam m’hemmx iktar drittijiet x’jingħataw ‘issa l-gays ħadu li riedu’ jkun hemm jgħid. Imma dan vera? Ilħaqna l-apiċe tad-drittijiet ta’ persuni LGBTIQ u daqshekk? Għad fadal xogħol xi jsir?

“Jiena għalija din mhux kwistjoni ta’ nies LGBTIQ, imma kwistjoni ta’ ugwaljanza. Aktar kemm ikollna ugwaljanza, aktar ikollna pajjiż b’saħħtu. Mhux sew, mhux ġust u mhux tajjeb għal pajjiżna li kellna min tratta lil ċerti nies daqslikieku kienu tat-tieni klassi, li ma kellhomx id-drittijiet li kelli jien. Din mhux soċjetà ġusta.”

Il-Ministru Dalli tkompli tgħid illi l-Gvern Laburista daħħal u se jkompli jdaħħal drittijiet mhux biss għal setturi differenti tal-poplu imma wkoll għal dawk li ssejħilhom ‘inter-sezzjonijiet’. “Li tkun mara jew persuna gay u fl-istess ħin persuna b’diżabilità jfisser illi jkollok ċirkustanzi li jagħmluha aktar diffiċli għalik,”

Daħħalna dawn il-liġijiet biex intaffu ftit mill-inkwiet ta’ ġenituri li jkunu beżgħana hux se jmorru d-dar u jsibu li binhom jew binthom tkun għamlet suwiċidju

“Meta inti għandek sitwazzjoni li tkun magħmula aktar diffiċli b’sitwazzjonijiet oħra, aħna rridu naraw kif se ntejbu l-ħajja ta’ dik il-persuna.”

Imma l-Gvern bħalissa qed jagħmel xi ħaġa f’dan ir-rigward? “Iva, mela. Qed naħdmu fuq il-Liġi tal-Ugwaljanza kif ukoll liġi li se twaqqaf Kummissjoni għad-Drittijiet tal-bniedem u l-Ugwljanza. Din il-liġi se titratta s-setturi kollha tal-ħajja u mhux lill-komunità LGBTIQ biss.”

 

‘Il-mewġa lejn il-lemin tista’ tipperikola dak li ksibna’

U x’inhu l-akbar sodisfazzjon ta’ Dalli? “Kuljum ikolli xi forma ta’ sodisfazzjon jekk intejjeb b’xi mod il-ħajja ta’ xi ħadd, imqar ta’ persuna waħda biss. Naturalment, kuntenta li biddilna u għamilna liġijiet, għalkemm jibqa’ jiddispjaċini li kellna ndumu daqshekk biex wettaqna dawn il-bidliet.”

Hawn min jara l-liġijiet li ppilotat Dalli bħala rigress. Mhux biss numru kbir ta’ votanti, imma wkoll nies fil-midja, nies influwenti fil-Knisja u lil hinn minnha u anke gazzetti, meqjusin influwenti wkoll. Meta Dalli ma tibqax u lanqas Gvern Laburista, temmen li x-xogħol li sar jista’ jkun ipperikolat?

Dalli ma tirrispondix direttament b’iva jew le, imma tagħmel parallel ma’ dak li qed jiġri madwarna fejn diversi partiti tal-lemin, li ġeneralment jippropogaw politika konservattiva u huma appoġġjati minn faxex ta’ nies aktar konservattivi soċjali, jew żiedu l-voti, jew ġabu riżultati rispettabbli jew inkella saħansitra spiċċaw fil-Gvern.

Dalli tgħid li, iva, il-mewġa madwarna favur politika iktar leminija u partiti aktar konservattivi tista’ tilħaq lil pajjiżna u tista’ tipperikola x-xogħol kollu li sar.

Irridu ngħinu mhux indgħajfu lill-vittmi tal-vjolenza domestika

Induru fuq il-vjolenza domestika. Saru bosta rapporti. Wieħed minnhom huwa ‘Il-Vjolelnza Domestika –Vittmi u servizzi’ li sar mill-Kumitat Permanenti dwar l-Affarijiet Soċjali u li kien ippreżentat lill-Kamra tar-Rappreżentanti fl-2015. F’dan ir-rapport hemm diversi proposti fosthom il-bżonn li jinħoloq spazju apposta fl-għases fejn persuna tkun tista’, fi ftit privatezza tkellem Pulizija hi u tagħmel rapport dwar abbuż jew vjolenza fuqha.

Nirrimarka li donnu f’dan il-qasam, apparti l-kelma tal-Liġi fuq il-karta, ftit li xejn sar.

“Kien dak l-iskop li għamilna tim inter-ministerjali mal-Ministri kollha li d-dekasteru tagħhom imiss b’xi mod ma’ din il-problema,” bdiet tispjega Dalli. “Apparti l-istrateġija tal-Gvern li nġibu l-bidliet billi naġġornaw il-liġijiet, kif għamilna meta aġġornajna l-liġi biex tkun konformi mal-Konvenzjoni ta’ Istanbul, qed naraw kif konkretement lil dik il-persuna nistgħu ngħinuha. Qed naraw kif se ngħinuha billi naraw kif noħolqu ambjent aħjar u billi naraw kif l-aħjar mod li tkun trattata...”

Tammetti li l-maġġoranza tal-għases m’għandhomx spazji apposta biex jisimgħu każi ta’ vjolenza domstika (u kull każ ieħor familjari jew personali ħafna). “Imma l-impenn hemm qiegħed u aħna se naraw li dawn l-ispazji jinħolqu biex ngħinu, mhux indgħajfu lill-vittma.”

 

It-tarbija fil-ġuf hija protetta diġà

Imma ladarba qed insemmu l-Konvenzjoni ta’ Istanbul, tajjeb illi Dalli tiċċara eżatt għalfejn il-Gvern ma żiedx fil-liġi l-bżonn li t-tarbija fil-ġuf tkun protetta. Jaqaw, kif wara kollox qed jakkuża l-PN, dan huwa xi mod biex minflok indaħħlu l-abort mill-bieb, indaħħluh mit-tieqa?

“Le, assolutament, le,” twieġeb mill-ewwel il-Ministru Dalli. “Fil-fatt għandna liġijiet aħna li jitrattaw il-protezzjoni tat-tarbija fil-ġuf filwaqt li l-abort huwa att kriminali. M’hemmx diskussjoni dwar dan, it-tarbija fil-ġuf protett bil-liġi u l-abort att kriminali kien u hekk se jibqa’.”

Dalli tagħti kuntest storiku billi tfakkar illi lura fl-1998 kienet ħarġet ‘white paper’ dwar il-vjolenza domestika, ftit qabel dak il-Gvern kien waqa’ u kien reġa’ tela’ Gvern Nazzjonalista. Kont ngħid lill-Lawrence Gonzi, dak iż-żmien Ministru tal-Politika Soċjali, biex naħdmu fuqha. Taf meta resqet quddiem il-Parlament? Fl-2006, tmien snin wara. Biex tara x’ħeġġa kien hemm. U ħarġet bil-firma tiegħi, jiġifieri mhux vera kienu qed jaħdmu fuqha kif kienu qaluli li qed jagħmlu.”

Dalli tgħid li llum qed tara l-istess nuqqas ta’ ħeġġa fil-PN, “qishom qed jilagħbu għall-ħin. Hemm liġi speċifika li tagħti protezzjoni u jien qed nagħti l-assigurazzjoni li dak li qed jattribwixxu lilna mhux veru,” temmet tgħid Dalli dwar akkużi li Gvern Laburista jaf jintroduċi l-abort.

Kontra dejjem u f’kull każ

Kemm il-Partit Nazzjonalista kif ukoll il-Partit Laburista ma jaqblux mal-abort fl-ebda każ. U Helena Dalli, x’taħseb?

Helena Dalli kontra l-abort? ‘Iva’

F’kull każ? ‘Iva’

Jiġifieri int ma taqbilx mal-abort, lanqas fil-każ illi ħajjet l-omm tkun ipperikolata? ‘Le’

U lanqas fil-każ ta’ stupru? ‘Le’.

Jiġifieri kontra l-abort f’kull ċirkostanza? ‘Iva’.

(It-tieni parti tal-intervista tkun imxandra għada fuq dan is-sit)

More in Politika