Malta kienet waħda mill-uniku tliet pajjiżi tal-Unjoni Ewropea li rreġġistraw żieda fl-għoti taċ-ċittadinanza lill-persuni li ġejjin minn pajjiż ieħor, meta l-istatistika qablet l-2016 mal-2015.
Skont ċifri ppubblikati mill-Eurostat, fl-2016, 994,800 kisbu ċ-ċittadinanza ta’ pajjiż membru tal-Unjoni Ewropea, dan ifisser żieda ta’ 18% fuq is-sena ta’ qabel.
Matul l-istess sena, 1,495 persuna kisbu ċ-ċittadinanza Maltija. Dan ifisser żieda ta’ 131% fuq l-2015, fejn 646 persuna kisbu ċ-ċittadinanza Maltija.
33% ta’ dawk li kisbu ċ-ċittadinanza Maltija kienu Russi, 8.4% kienu ġejjin mir-Renju Unit filwaqt li 5.2% kienu persuni mill-Arabja Sawdija.
Iż-żewġ pajjiżi l-oħra, apparti Malta, li taw aktar ċittadinanzi fl-2016 milli fl-2015, kienu l-Kroazja, b’żieda ta’ 232% u l-Greċja li rdoppjat l-ammont ta’ ċittadinanzi mogħtija.
L-aktar persuni li kisbu ċ-ċittadinanza Ewropea kienu l-Marokkini u warajhom l-Albaniżi u l-Indjani.
Fil-quċċata tal-lista hemm ukoll il-Pakistani, it-Torok u l-Ukreni.
L-aktar ċittadinanza miksuba kienet dik Taljana, imbagħad dik Spanjola u Ingliża.
L-għadd ta’ ċittadini tar-Renju Unit li kisbu ċ-ċittadinanzi ta’ pajjiż membru ieħor tal-Unjoni Ewropea aktar milli rdoppja.
Fil-fatt, fl-2015, l-għadd ta’ ċittadini tar-Renju Unit li kisbu ċittadinanza ta’ pajjiżi ieħor membru kien jammonta għal 2,478. Fl-2016, l-għadd ta’ persuni tela’ għal 6,555.