L-Iżlanda tagħżel Prim Ministru mara u l-ewwel waħda mill-Ħodor fl-Ewropa

Dan wara elezzjoni bikrija inqas minn sena wara Elezzjoni Ġenerali oħra

Katrín Jakobsdóttir ġiet eletta bħala Prim Ministru tal-Iżlanda hekk kif illum il-koalizzjoni tagħha bdiet bil-ħidma tagħha.

Jakobsdóttir hija t-tieni Prim Ministru mara tal-Iżlanda u hija l-ewwel Prim Ministru tal-Ħodor li ġiet eletta fl-Ewropa.

Għalkemm il-Partit tagħha huwa magħruf bħala l-Moviment Aħdar Xellugi, il-viżjoni politika tiegħu mhux dik tal-Partit tal-Ħodor fil-Parlament Ewropew u li tiegħu l-Alternattiva Demokratika f’Malta hija membru.

Il-Gvern li ffurmat fih firxa ta’ politiċi mil-lemin u oħrajn tax-xellug hekk kif il-koalizzjoni hija magħmulha mill-Moviment tagħha, il-Partit tal-Indipendenza u l-Partit Progressiv.

Jakobsdóttir, li għandha 41 sena, ilha snin involuta fil-politika.

Hija kienet eletta Deputat Ċerpersin tal-Moviment Aħdar Xellugi fl-2003. Kienet Ministru għall-Edukazzjoni, ix-Xjenza u l-Kultura bejn l-2009 u l-2013, fost oħrajn.

Minkejja li hi membru ta’ partit, Jakobsdóttir hija popolari ħafna mal-votanti kollha Iżlandiżi.

Għal dawn l-aħħar snin, fis-sondaġġi tal-opinjoni pubblika hija dejjem ġiet fuq nett tal-lista bħala l-aktar politiku li n-nies tafda fih.

L-eks Prim Ministru Bjarni Benediktsson, li huwa ċ-ċermen tal-Partit tal-Indipendenza se jkun il-Ministru għall-Finanzi u l-Ekonomija fil-Gvern il-ġdid. Huwa kellu l-istess portafoll qabel sar Prim Ministru.

Katrín Jakobsdóttir iffurmat il-Gvern erba’ ġimgħat wara l-elezzjoni bikrija li sejjaħ Benediktsson wara li faqqa’ skandlu li fih kien hemm involut missieru. Benediktsson kien ilu inqas minn sena Prim Ministru.

Il-leave għall-ommijiet u l-missirijiet u anke l-iżvilupp infrastrutturali huma fuq nett tal-aġenda tal-Gvern il-ġdid.

Il-Partit ta’ Jakobsdóttir irid iżid id-dħul billi jgħolli t-taxxi għas-sinjuri u fuq l-industrija tas-sajd, fost oħrajn. Il-Partit ta’ Benediktsson irid jiffinanzja aktar proġetti infrastrutturali billi jinbiegħu shares tal-Gvern fil-banek tal-pajjiż.

L-Iżlanda kienet intlaqtet ħażin ħafna mill-kriżi finanzjarja tal-2008 fejn it-tliet banek ewlenin kienu qalgħu daqqa ta' ħarta.

Il-pajjiż issa qed jesperenza tkabbir ekonomiku tajjeb, b'żieda qawwija fit-turiżmu li iżda qed iwassal għal nuqqas ta' ħaddiema u impjegati li qed jesiġu żieda fil-paga.

More in Politika