Il-Partit Nazzjonalista kkritika d-deċiżjoni tal-Gvern biex l-Air Malta tibda tuża wkoll ajruplani tal-kiri għax saħaq li dan qed iwassal għal dewmien esaġerat fit-titjiriet minħabba “ħsarat kontinwi li qed ikollhom dawn l-ajruplani.”
Fi stqarrija, il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista u kelliem għat-Turiżmu, Robert Arrigo, qal li filwaqt li ż-żieda fit-titjiriet u fis-servizzi li jingħataw mil-linja nazzjonali tal-ajru qed iwasslu għall-ħtieġa akbar ta’ ajruplani, il-Gvern kellu r-responsabbilità li jara li dawn ikunu ta' kwalità u li jilħqu l-ħtiġijiet tan-nies.
“Il-ħsarat fl-ajruplani tal-kiri u d-dewmien fit-titjiriet qed iwasslu biex sfortunatament issir ħsara lir-reputazzjoni tal-Air Malta, żieda fl-ispejjeż u tnaqqis fil-client satisfaction,” saħaq Arrigo waqt li fakkar li kien hemm passiġġieri li tħallew jistennew 14-il siegħa minħabba ħsarat fl-ajruplan.
Il-Partit Nazzjonalista appella lill-Gvern biex issa li qed jersaq is-sajf, jieħu l-aħjar deċiżjonijiet għall-Air Malta u jindirizza bl-aħjar mod il-ħtiġijiet tagħha biex il-passiġġieri jibqgħu jinqdew bl-aħjar mod.
Ilbieraħ, ajruplan mikri tal-Air Malta ħariġlu l-fjuwil fl-ajruport ta’ Palermo tant li l-passiġġieri kellhom jistennew sigħat sħaħ qabel qabdu t-titjira lejn Malta.
Fi stqarrija, kien intqal li sas-sajf li ġej, l-Air Malta se jkollha flotta ta’ 10 ajruplani.