Aġġornata| 'Daqqa f'wiċċ il-libertà tal-kelma u l-libertà tal-midja' - PD

Dan wara li l-Gvern ivvota kontra emendi mressaq mill-Oppożizzjoni biex ġurnalisti Maltin ikunu protetti mill-iSlapp

Il-Gvern ivvota kontra emendi fl-Abbozz tal-Liġi dwar il-Midja u d-Defamazzjoni, mressqa mill-Oppożizzjoni biex ġurnalisti Maltin ikunu protetti mill-iSlapp, waqt li l-Ministru Owen Bonnici kkwota esperti li taw parir lill-Gvern li dawn l-emendi jmorru kontra r-regoli tal-Unjoni Ewropea.

Fi stqarrija, il-Partit Demokratiku saħaq li l-pożizzjoni tal-Gvern hija “daqqa f’wiċċ il-libertà tal-kelma u l-libertà tal-midja.”

L-għan ta’ libelli magħrufa bħala SLAPP huwa li jsikktu u jintimidaw il-ġurnalisti u l-kmamar tal-aħbarijiet billi jgħabbuhom b’dawn il-libelli f’ġurisdizzjonijiet oħra, li l-ispejjeż u l-multi marbuta magħhom huma kbar tant li l-kmamar tal-aħbarijiet f’Malta ma jaffordjawx.

Fi stqarrija, il-Partit Demokratiku staqsa lill-Ministru Owen Bonnici jekk il-pożizzjoni tal-Gvern ittiħditx veru minħabba pariri legali jew inkella hemmx raġunijiet oħra.

Il-PD temm jinsisti li f’atmosfera ta’ nuqqas ta’ trasparenza dwar programmi tal-Gvern ma kumpaniji privati u anke kuntratti, huwa essenzjali li jkun hemm ġurnalisti li jistaqsu, jixtarru u jinvestigaw mingħajr ma jibżgħu.

Ilbieraħ, fil-Parlament, il-Ministru Owen Bonnici qal li l-pożizzjoni tal-Gvern ittieħdet wara parir mingħand l-Avukat Ġenerali, Peter Grech, l-espert fuq il-liġi internazzjonali Paul Cachia u l-espert dwar id-drittijiet umani Ian Refalo.

Il-Ministru qal ukoll li talab parir mingħand il-kumpanija legali fir-Renju Unit Bird&Bird.

Skont il-Ministru, l-esperti kollha semmew il-Konvenzjoni Lugano li jorbtu lill-istati membri biex jirrikonoxxu sentenzi li jkunu ngħataw fi stati membri oħra.

Kompla jispjega li l-emendi ma hemmx bżonnhom għax il-liġi Maltija diġà tipprovdi għall-protezzjoni ta’ individwi kontra akkużi li jsiru fuqhom f’ġurisdizzjonijiet oħra.

Min-naħa tiegħu, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni li ressaq l-emenda, Jason Azzopardi, saħaq li din il-Konvenzjoni tippermetti eċċezzjonijiet biex ma jkollhomx bżonn jirrikonoxxu sentenzi li jmorru kontra l-politika u l-ordni pubblika. Tal-istess opinjoni kienet il-kelliema Therese Commodini Cachia.

Jason Azzopardi insista li kieku Pilatus Bank kellu xi dubju li sentenza barra minn Malta mhux se tkun infurzata f’Malta, ma kienx se jiftaħ libell ta’ $40 miljun kontra Daphne Caruana Galizia fi qrati barranin.

Intant fi stqarrija separata, l-MEP u kap tad-delegazzjoni tal-PN f'Brusell, David Casa sostna li hu informa lill-Vici President Fran Timmermans dwar dawn l-aħħar żviluppi fil-Parlament Malti filwaqt li talab għall-intervent tal-UE sabiex tipproteġi l-ġurnaliżmu investigattiv.

Casa sostna li "fil-passat għadd ta' ġurnalisti Maltin kienu vittmi ta 'proċeduri tal-SLAPP minn entitajiet bħal Pilatus Bank u Henley & Partners f'ġurisdizzjonijiet barranin fosthomfl-Istati Uniti. Dawn il-prattiċi huma abbużivi, huma ta 'theddida għall-libertà tal-midja u m'għandhom l-ebda post fl-UE."

 

 

 

 

More in Politika