Vella jiftaħ il-kanuni fuq l-emendi dwar l-IVF li ressaq il-Gvern

Vella staqsa jekk il-pajjiż kellux jasal sa hawn biex jilħaq il-wiegħda tal-ugwaljanza

L-eks Ministru Laburista George Vella ddeskriva l-emendi proposti mill-Gvern għal-Liġi tal-IVF, bħala parodija tal-etika, tal-moralità u tad-dinjità umana.

Aktar tard, fuq Twitter ukoll, Vella kiteb jistaqsi: “Kellna naslu sa hawn u naqgħu daqshekk fil-baxx biex nilħqu l-wiegħda utopika tal-ugwaljanza.”

Ilbieraħ, il-Ministru għas-Saħħa ressaq emendi għal-Liġi dwar il-Protezzjoni tal-Embrijuni.

Fi stqarrija, il-Ministeru insista li dawn l-emendi se jneħħu d-diskriminazzjoni abbażi ta’ orjentazzjoni sesswali meta wieħed ikollu bżonn trattamenti għall-infertilità kif inhu l-IVF.

L-istess emendi se jagħmluha possibbli wkoll biex f’Malta jkun hawn donazzjonijiet ta’ ċelloli ta’ bajd u tal-isperma.

Il-Ministeru insista wkoll li “biex tibqa’ mħarsa d-dinjità tal-embrijun,” l-iffriżar se jkun marbut mal-adozzjoni tal-embrijun. 

Dan ifisser, li l-ġenituri prospettivi mhux se jitħallew jiffertilizzaw aktar minn żewġ bajdiet jekk ma jaqblux li jagħtu l-embrijuni għall-addozzjoni.

Apparti minn hekk, il-Ministru Fearne ħabbar li fil-ġimgħat li ġejjin se jiġi ppubblikat dokument għad-diskussjoni pubblika li se jiddiskuti l-kiri tal-ġuf b’mod altruwistiku.

Fuq ir-radju tal-Partit Laburista,  il-Ministru Fearne insista li l-kiri tal-ġuf bil-flus se jibqa’ llegali iżda l-Gvern se jkun qed jiddiskuti l-possibbilità li persuna tagħżel minn jhedda, u mingħajr ħlas, toffri l-ġuf tagħha.

Il-Ministru insista li l-emendi se  jiżguraw li l-Pre-Implantation Genetic Diagnosis, jiġifieri tekniċi li jiċċekkjaw jekk hemmx difetti fl-embrijuni, se jkunu projbiti. 

Il-Gvern kien wiegħed din il-bidla fil-programm elettorali tiegħu, wara li tentattiv fil-leġislatura li għaddiet falla. Fost id-Deputati li kienu qed jopponu l-iffriżar tal-embrijun kien hemm l-eks Ministru George Vella.

Il-ġimgħa li għaddiet bdiet ukoll petizzjoni parlamentari li ssejjaħ lill-Membri Parlamentari biex ma jbiddlux il-liġi.

More in Politika