Reviżjoni biex pompi tal-petrol f'ODZ lanqas biss ikunu ikkunsidrati

Il-Ministru Herrera rringrazzja lill-ERA għax-xogħol siewi li għamlet fuq dawn il-proposti għar-reviżjoni ta’ din il-policy

Il-Ministru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima José Herrera saħaq li l-Gvern, bħalma wiegħed fil-manifest elettorali, qiegħed għal darb’oħra jagħti l-importanza dovuta lill-ambjent ta’ pajjiżna. Dan wara li bħala l-Ministru responsabbli mill-Ambjent talab lill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) sabiex tipproponi reviżjonijiet tal-Fuel Service Stations Policy.

Il-Ministru Herrera ħabbar li l-għan ewlieni ta’ din ir-reviżjoni huwa li tiġi ssalvagwardjata l-art li tinsab barra ż-żona tal-iżvilupp (ODZ) u għaldaqstant l-ERA qiegħda tipproponi li l-fuel stations ma jiġux ikkunsidrati f’ODZ meta din hija art mhux mittiefsa. F’każ ta’ siti li huma kkunsidrati idonji għall-iżvilupp ta’ fuel service stations, il-proposti tal-ERA huma li jkun hemm restrizzjonijiet fuq id-daqs u fuq l-għoli tal-binjiet fuq dawn is-siti.

Il-Kap Eżekuttiv tal-ERA Dr Louise Spiteri, fil-preżenza taċ-Chairman tal-ERA Prof Victor Axiak, spjegat il-proposti ewlenin għar-reviżjoni tal-Fuel Service Stations Policy. Fost dawn hemm li għandu jkun hemm distanza ta’ 1.5 kilometri bejn il-fuel stations; il-footprint tal-iżvilupp jitnaqqas minn 3,000m2 għal 2,000m2 li jinkludi wkoll il-landscaping kollu u faċilitajiet anċillari għal servizzi relatati biss mal-vetturi; il-height limitation ta’ 7 metri għandha tiġi applikata; kif ukoll qed jiġi propost li jintalab kumpens monetarju mill-iżviluppatur għall-impatt ambjentali.

Il-Ministru Herrera rringrazzja lill-ERA għax-xogħol siewi li għamlet fuq dawn il-proposti għar-reviżjoni ta’ din il-policy. Huwa ħabbar li nhar it-Tnejn li ġej ser jippreżenta dawn l-emendi fid-dettall lill-Kumitat tal-Kamra dwar l-Ambjent u l-Ippjanar tal-Iżvilupp. 

More in Politika