Id-Dipartiment tax-Xogħlijiet u l-Infrastruttura qed jaħdem fuq 95 proġett

Dan qalu l-Ministru Ian Borg li spjega kif b'kollox qed isir investiment ta' €42 miljun

Il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali Ian Borg qal li bħalissa d-Dipartiment tax-Xogħlijiet u l-Infrastruttura għaddej b’ħidma fuq 95 proġett differenti madwar Malta u Għawdex b’investiment totali ta’ €42 miljun.

Huwa qal dan waqt li żar proġett li qed isir f’Ħal Qormi fi Triq il-Belt Valletta u fi Triq il-Wied biex tingħata żona ta’ rikreazzjoni ġdida.

Il-proġett jinkludi tindif tas-sit, it-tħaffir li kien hemm bżonn sabiex jiddawwal il-post, bankini, tqegħid ta’ drains għall-ilma tax-xita u ta’ pipes għad-dawl, bini ta’ sub-base tal-concreterefurbishment tal-ħajt eżistenti, bini ta’ rampi u railing, twaħħil ta’ dwal u sinjali neċessarji, tqegħid tal-asphalt u taeħħil ta’ bankijiet.

L-istess dipartiment kien wettaq xogħlijiet fuq il-ħitan ta’ taħt dan is-sit, li jservu bħala watercourse. Min-naħa tiegħu, il-kunsill lokali se jkun qiegħed jinvesti f’apparat għal outdoor gym li se jkun miftuħ għall-pubbliku fl-istess post.

Dan il-proġett se jkun qed isir b’investiment ta’ €40,000 li skont is-Sindku ta’ Ħal Qormi Jesmond Aquilina se jkunu qed jittrasformaw parti li dejjem kienet mitluqa, f’parkeġġ organizzat u spazju miftuħ li jista’ jitgawda mir-residenti tal-lokalità tiegħu.

Fid-diskors tiegħu, il-Ministru Borg fakkar ukoll fil-wiegħda elettorali għall-proġett tas-€700 miljun, li se jwassal għat-twaqqif ta’ Aġenzija tal-Infrastruttura li se tkun qed tieħu minn fuq spallejn il-kunsilli lokali r-responsabbiltà tat-toroq u mingħajr ma’ jitnaqqsulhom il-fondi annwali allokati.

More in Politika