Fi stqarrija l-Isqfijiet ta’ Malta fakkru li l-Maltin jgħożżu l-ulied u l-ħajja mit-tnissil tagħha.” Din hi ħaġa pożittiva ħafna li nixtiequ ninkoraġġixxu bis-sħiħ. Nuru għalhekk l-apprezzament tagħna għall-isforzi li jsiru biex il-koppji li ma jistgħux ikollhom tfal jingħataw għajnuna xierqa u f’waqtha. “
“Fl-istess waqt, hu b’dispjaċir li qrajna emendi proposti għall-Att dwar il-Protezzjoni tal-Embrijuni. Jidher li l-emendi proposti jmorru kontra l-għan prinċipali tal-liġi preżenti, li kien li jassisti koppji li qegħdin f’relazzjoni stabbli biex jista’ jkollhom tarbija. S’issa l-liġi kienet tipproteġi d-dinjità tal-embrijun sa mill-bidu nett tal-ħajja umana u tassigura li t-tarbija titwieled b’omm u b’missier. “
L-Isqfijiet, Charles J Scicluna u Mario Grech ikomplu jisħqu illi bl-emendi proposti mill-Gvern dan jispiċċa. “It-tarbija ssir oġġett li qiegħed hemm biss biex jissodisfa x-xewqa ta’ ħaddieħor. Kull min irid tarbija, hu min hu u hi min hi, jista’ jaħdem biex joħloq waħda, u dan il-liġi tbierku. Meta l-liġi tintroduċi l-possibbiltà ta’ donaturi anonimi taċ-ċelloli għat-tnissil, is-self tal-ġuf bis-surrogazzjoni u l-iffriżar tal-embrijuni – dan kollu jagħmel mit-tarbija oġġett ta’ produzzjoni. Hu ta’ tħassib serju,” ikomplu jirrimarkaw l-Isqfijiet, “li b’dawn l-emendi jista’ jkun hemm tfal li qatt ma jafu min hi l-omm naturali tagħhom jew il-missier naturali tagħhom, min huma ħuthom, il-kuġini, iz-zijiet u n-nanniet proprji tagħhom. Il-liġi l-ġdida qed toħloq orfni ġodda, u dan bi pjan. Diġà hi sitwazzjoni ta’ uġigħ kbir meta t-tfal, għal xi raġuni jew oħra, ma jkollhomx il-grazzja tat-trobbija minn omm u missier. Imma li liġi toħloq sitwazzjonijiet ġodda bħal dawn, u li tkabbar id-diskriminazzjoni bejn it-tfal, inissel tħassib kbir.”
“L-ulied huma għeżież u ma ħaqqhomx hekk. Jistħoqqilhom li jkunu mħarsa fil-ħtiġijiet fiżiċi, emozzjonali, psikoloġiċi, morali u spiritwali tagħhom. Huma l-ġenerazzjonijiet futuri li jkollhom jaħsdu dak li qed jinżera’ llum.”
L-Isqfijiet appellaw bies dawk fl-awtorità iħarsu l-ħajja u d-dinjità umana “u ma jagħmlu xejn li jkasbar id-drittijiet tal-ulied.”