F'diskors fil-Belt Valletta dalgħodu l-PM Joseph Muscat fakkar kif Gvern Laburista waqqa' l-każ ta'Joanna Cassar wara li Gvern Nazzjonalista baqa' jiċħad it-talba ta' Cassar biex tkun tista' tiżżewweġ. Muscat semma kif wara li Cassar iċċaħdet mid-dritt li tiżżewweġ għal snin u minkejja li l-PN wegħdha kumpens, sal-lum dal-kumpens qatt ma wasal. "Meta ħadna id-deċiżjoni ħadd ma daħaq, kien il-mument li flimkien, għal darba wara l-oħra, urejna li nemmnu fl-ugwaljanza meta daħħalna l-unjoni ċivili, żwieġ indaqs..."
"Illum kulħadd jgħid li jaqbel mal-ugwaljanza. Il-Liġi tal-IVF hija essenzjament dwar l-ugwaljanza," qal Muscat. li fakkar kif l-IVF u l-kwistjoni tal-IVF kienet fuq l-aġenda tal-PL minn qabel l-elezzjoni ġenerali. "Ħaddieħor, minħabba s-sistema governattiva ipokrita kien xtara b'miljuni kbar f'apparat li kellna narmuh għax ma riedux jintroduċu l-IVF," sostna Muscat fir-rigward tal-Gvern tal-PN. Huwa qal li l-faċilità tal-iffriżar diġa tinsab fil-liġi, u fakkar kif il-Gvern qed jipproponi li l-embrijun li jkun iffriżat jingħata b'adozzjoni.
"Għall-familji bla vuċi se jkun hemm aħna," qal Muscat filwaqt li qal illi l-ipokriti jmorru jippriedkaw il-valuri. "U l-kalvarju kollu li jriduna jgħdduna minnu jkun worth it."
"Fl-2012 ħadd ma tkellem dwar l-iffriżar," qal Muscat fi kritika diretta lejn dawk li illum qed jikkritikaw din il-liġi, li fosthom hemm l-eks Deputati Laburisti George Vella u Godfrey Farrugia, illum Deputat tal-Partit Demokratiku. Huwa qal li mhix din il-liġi li qed ddaħħal il-kunċett tal-iffriżar imma qed testendieh biss.