'Ir-Russja jista' jkun għandha informazzjoni kompromettenti fuq Trump'
Dan qalu l-eks direttur tal-FBI James Comey fl-ewwel intervista tiegħu minn meta tkeċċa sena ilu,
More in Politika
Dan qalu l-eks direttur tal-FBI James Comey fl-ewwel intervista tiegħu minn meta tkeċċa sena ilu,
L-eks direttur tal-FBI, James Comey qal li r-Russja jista’ jkun li għandha informazzjoni kompromettenti dwar il-President Amerikan Donald Trump.
Fl-ewwel intervista li kellu minn meta tkeċċa mill-pożizzjoni tiegħu s-sena li għaddiet, Comey fetaħ il-kanuni fuq il-President Amerikan.
Ma tantx għomod il-kliem meta qal li Donald Trump mhux “moralment f’postu” biex ikun President tal-Istati Uniti.
Qal, fost oħrajn, li Trump jitratta n-nisa daqslikieku kienu “biċċiet tal-laħam.”
Lill-ġurnalista tal-ABC News, Comey qallu li Trump il-ħin kollu jigdeb u li mhux l-ewwel darba li xekkel il-proċess tal-ġustizzja.
Ftit ħin qabel ixxandret l-intervista, Trump minnufih iddefenda lilu nnifsu u akkuża lil Comey "b’ħafna gideb."
“Il-President għandu jkun eżempju ta’ rispett u jgħożż il-valuri li huma fil-qalba ta’ dan il-pajjiż. L-aktar importanti l-verità. Trump ma jista’ qatt jagħmel dan,” saħaq Comey.
ABC staqsa lil Comey xi jkun ifisser jekk il-President Trump jipprova jkeċċi lil Robert Mueller li qiegħed jinvestiga allegat indħil mir-Russja fl-elezzjoni presidenzjali tal-2016 u anke rabtiet li jista’ jkun hemm bejn il-kampanja Trump u r-Russja.
Comey insista li dan ikun l-akbar attakk li Trump ikun għamel fuq is-Saltna tad-Dritt.
Trump dejjem ċaħad dawn l-allegazzjonijiet u mhux l-ewwel darba li tefa’ dubju fuq din l-investigazzjoni.
Il-President kien keċċa lid-Direttur tal-FBI James Comey, wara li ppreżenta informazzjoni 'żbaljata' lill-Kungress, li kien qed jiddiskuti l-imejls ta' Hillary Clinton.
Minkejja dan, id-Demokratiċi dejjem saħqu li Comey tkeċċa minħabba l-investigazzjoni tal-FBI dwar rabtiet bejn il-kampanja ta’ Trump u r-Russja.