Il-Kap tad-Delegazzjoni Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew, David Casa saħaq li d-demokrazija fl-aħħar se tirbaħ waqt li fakkar li minn għada, midja internazzjonali se tkun qed toħroġ l-istejjer li kienet qed taħdem fuqhom Daphne Caruana Galizia qabel ma nqatlet fis-16 ta' Ottubru li għadda.
Casa qal dan hekk kif tela’ jixhed quddiem il-Maġistrat Doreen Clarke dwar ir-rapport tal-FIAU li għandu f’idejh u li skont Casa, jgħid iswed fuq l-abjad li kellhom jittieħdu passi kriminali kontra l-Ministru Konrad Mizzi.
L-Ewroparlamentari insista li "għada se tibda battalja" u hu se jibqa’ jgħin lill-midja sakemm toħroġ il-verità u “l-kriminali u l-korrotti jieħdu dak li ħaqqhom.”
Dwar min tah ir-rapport tal-FIAU, Casa insista li hu mhux se jikxef lis-sors tiegħu anke jekk jintalab biex jagħmel dan.
Saħaq li hu wiegħed lis-sors li mhux se jikxu, għax fi kliemu, jekk jagħmel dan, se jkun qed ipoġġih fil-periklu.
Fil-konferenza, dakinhar li ppreżenta r-rapport lill-Qorti, Casa kien qal li l-FIAU sabet diversi provi li mistennija jinkriminaw lill-Ministru Mizzi, fosthom dokumenti tal-Bank u dettalji ta' vjaġġar tal-istess Mizzi. Casa qed jisħaq li dan ir-rapport jikxef "il-gideb li għamel il-Ministru Mizzi biex jgħatti xturu u li allegatament jiżvela wkoll dati, figuri, ismijiet u fabrikazzjoniji ta' dokumenti."
Casa jgħid li fir-rapport hemm "involut ukoll il-Bank Pilatus. Ir-rapport fih dettalji wkoll tan-negozjati li kien involut fihom Konrad Mizzi u dati fosthom dawk marbutin mal-bejgħ tal-Enemalta," jinsisti Casa.
Il-Ministru Konrad Mizzi kien iddeskriva r-rapport tal-FIAU bħala ħrafa.
Kien qal li hemm kampanja kontrih minn bloggers tal-Partit Nazzjonalista u persuni viċin il-midja u insista li l-istess allegazzjonijiet mhux ippruvati huma fil-qalba ta’ dan “ir-rapport.”