Esperti tal-armi kimiċi jingħataw il-permess biex jidħlu Douma

L-attakk tas-7 ta’ April wassal għal diversi attakki mill-ajru fuq miri tal-Gvern Sirjan

Esperti tal-armi kimiċi ngħataw il-permess li jżuru Douma, fis-Sirja, il-villaġġ fejn allegatament seħħ attakk bil-kimika.

Skont ir-Russja, tim internazzjonali tal-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni tal-Armi Kimiċi, ilu jiem jistenna f’Damasku biex iżur is-sit fejn seħħ l-attakk.

L-attakk tas-7 ta’ April wassal għal diversi attakki mill-ajru fuq miri tal-Gvern Sirjan, minn Forzi Amerikani, Ingliżi u Franċiżi.

Kemm is-Sirja u r-Russja qed jiċħdu li wettqu l-attakk, bil-Gvern Sirjan isejjaħ l-allegazzjoni bħala ħrafa.

Kmieni dalgħodu, il-midja tal-Istat Sirjan saħaq li l-Forzi wieġbu għal attakk bil-missili li seħħ fil-belt ta’ Homs, fil-punent  tal-pajjiż.

Skont rapporti, dan l-attakk kellu fil-mira tiegħu l-bażi tal-ajru f’Shayrat.

Rapporti oħra qed jirrappurtaw li tliet missili ġew sparata lejn l-ajruport militari ta’ Dumair, viċin il-kapitali Damasku.

Minkejja dan, kelliem għall-Pentagon qal ma’ Reuters li l-Istati Uniti ma ordnat l-ebda attakk militari f’din iż-żona.

Uffiċjali f'Iżrael irrifjutaw li jikkummentaw. Mill-2012 'l hawn hu mifhum li Iżrael wettaq diversi attakki għalkemm rari jikkonferma.

More in Politika