Delia | 'Possibbli m'inthomx tindunaw bil-ħsara li qed issir?'

Chris Fearne jirribatti; "ħallu l-proċess ġudizzjarju jieħu l-kors tiegħu"

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qal li l-Gvern "għadu ma ndunax bil-ħsara li qed isofri isem Malta, il-Maltin u l-Għawdxin kollha."

Waqt is-seduta Parlamentari li ddiskutiet dak żvelat mill-Proġett Daphne, Delia saħaq kif "f'kwalunkwe pajjiż demokratiku, meta tiġri xi haġa bħal din, issir ġustizzja. Hu dritt tal-poplu li jkunu jaf x'qed jiġri u dak dak kollu pertinenti li jista’ jwassal għall-għarfien tal-mandati tal-qtil brutali tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia."

Dwar l-allegazzjonijiet li qed jiffaċċja l-Ministru Cardona, Delia qal li hu għandu jispjega jekk hux veru dak li qed tgħid il-midja internazzjonali, filwaqt li staqsa wkoll "għaliex il-Kummissarju bagħat nies jinvestigaw lil Simon Busuttil minħabba erba' posters u mhux għall-Ministru Cardona."

Delia kompla jisħaq li "f'pajjiż fejn kien hemm delitt simili għal dak ta' Caruana Galizia, irriżenjaw tliet uffiċjali, iżda f'Malta ħadd ma refa responsabbiltà, aħna m’aħniex il-Qrati jew il-Pulizija, aħna l-leħen tan-nies u dawn għandhom dritt li jkunu jafu u l-Gvern għandu dritt li jwieġeb."

Intant fid-diskors tiegħu, id-Deputat Prim Ministru irribatta billi insista li "bħala Gvern nemmnu fis-Saltna tad-Dritt u mhux nużawha għall-skapitu ta’ punti politiċi. Wara l-assassinju ta’ DCG infetħet inkjesta u l-Pulizija ressqu tliet akkużati fuq dan id-delitt u din hi wirja ċara għas-Saltna tad-Dritt," sostna Fearne. 

Id-Deputat Prim Ministru kompla jisħaq li "jekk il-PN jemmen fis-Saltna tad-Dritt, għandu jħalli l-proċess ġudizzjarju jieħu l-kors tiegħu u ma jdaħħalu ideat mhux ibbażati fuq il-fatti. Aħna hawnhekk nies responsabbli."

Apparti minn hekk Fearne qal li kif bħalma Delia jemmen affarijiet li qalet Daphne fuq il-Gvern, wieħed irid jemmen ukoll l-affarijiet li qalet fuqu. Suppost qed didibattu l-IVF, saħaq Fearne. "L-IVF urġenza."

"Delia u De Marco huwa dawk li għandhom xi jwieġbu," - PL

Intant, aktar tard fi stqarrija, il-Partit Laburista qal li ħareġ biċ-ċar li wieħed mill-akkużati fl-assassinju ta’ Caruana Galizia, George Degiorgio, kien ilun snin klijent tad-Deputat tal-Oppożizzjoni Mario De Marco.

Il-Partit Laburista insista li De Marco għandu jispjega x’kienet ir-relazzjoni tiegħu ma’ Degiorgio.

Kompla jisħaq li Adrian Delia għandu jgħid x’inhi l-pożizzjoni tiegħu dwar dak żvelat.

“Issa ċ-ċans li l-Kap tal-Oppożizzjoni jibda jipprovdi tweġibietv konkreti dwar l-allegazzjonijiet ta’ Caruana Galizia fuq il-prostituzzjoni, il-ħasil tal-flus u d-droga.”

Saħaq li Delia għandu jpoġġi lilu nnifsu taħt investigazzjoni minn maġistrat indipendenti.

More in Politika