'Il-Laburisti ta' rieda tajba għandhom inaddfu l-partit' - Alternattiva Demokartika
Carmel Cacopardo jappella biex il-PM Joseph Muscat jieħu azzjoni fid-dawl tal-aħħar stejjer dwar 17 Black...
More in Politika
Carmel Cacopardo jappella biex il-PM Joseph Muscat jieħu azzjoni fid-dawl tal-aħħar stejjer dwar 17 Black...
"Ġaladarba Joseph Muscat, iffaċċjat bl-istejjer ta’ ħmieġ baqa’ m’għamel xejn għajr li jistaħba wara inkjesta bil-Maġistrat li donnha mhi se tispiċċa qatt, Alternattiva Demokratika qed tappella lil dawk ta’ rieda tajba fil-Partit Laburista biex jieħdu l-inizzjattiva huma u jibdew it-tindifa tant meħtieġa tal-partit." Hekk sostniet l-Alternattiva Demokratika fi stqarrija aktar kmieni illum.
Carmel Cacopardo Chairperson ta’ Alternattiva Demokratika huwa u jikkummenta fuq l-aħħar informazzjoni li ħarġet dwar Konrad Mizzi, Keith Schembri u Nexia BT. "Ir-rapporti fil-midja internazzjonali u lokali dwar iċ-ċaqlieq ta’ flejjes sostanzjali bejn kontijiet bankarji fid-Dubai, is-Seychelles, Malta u l-Panama jikkonfermaw dak li ilu jingħad f’Malta wara r-rivelazzjonijiet ta’ Daphne Caruana Galizia fil-kitbiet tagħha tul l-24 xahar qabel ma nqatlet. Joseph Muscat għandu r-responsabbilta' politika li jaġxxi biex ma jħallix isem il-pajjiż ikompli jitħammeg bil-konsegwenza li tinrema l-baħar ir-reputazzjoni li dawk ta’ qabilna bnew b’tant sagrifiċċju."
"Lilhinn minn responsabbiltajiet kriminali li jistgħu jkunu stabiliti meta xi darba l-istituzzjonijiet jitħallew jaħdmu b’serenita', il-Partit Laburista ukoll għandu l-obbligu li jaġixxi malajr kemm jista’ jkun. Għax il-Partit Laburista ukoll irid jiffaċċja din is-siegħa ta’ prova, jekk tgħallem il-lezzjonijiet tal-passat," temm jgħid Carmel Cacopardo.
Wara li ilbieraħ ħarġet storja illi turi kif għaddew madwar €1.3 miljun għal għand il-kumpanija '17 Black', klijent ewlieni tal-kumpaniji fil-Panama ta' Konrad Mizzi u Keith Schembri, dawn it-tnejn ċaħdu bil-qawwi. Schembri iżda ammetta li '17 Black' kienet parti mill-pjani tan-negozju tiegħu.
Aktar kmieni illum numru ta' MEPs kienu b'saħħithom fil-kritika fil-konfront ta' Malta jekk il-PM Muscat jibqa' ma jieħux azzjoni.