Godfrey Farrugia: 'Il-PL qed jagħmel ħsara kbira lill-pajjiż...il-pajjiż jiġi qabel il-partit'

L-eks Deputat Laburista u llum Deputat tal-PD jgħid li jifhem lil dawk li qed jibżgħu jitkellmu, imma jappella....

Id-Deputat tal-Partit Demokratiku u eks Deputat u Whip tal-Partit Laburista Godfrey Farrugia f'ittra miftuħa appella biex ikun hawn bidla fis-sistema tat-tmexxija tal-pajjiż u diskussjoni onesta dwar il-korruzzjoni. Farrugia qal fl-ittra li jifhem dawk li jħossuhom traduti mill-Partit Laburista li skontu, ċaħad l-ideali tiegħu. 

Din hija l-ittra li ppubblika d-Deputat Godfrey Farrugia: 

B’dieqa jkolli nammetti l-ħsara irriversibbli li l-gvern tal-Partit Laburista li għent biex jitla’ fil-gvern fl-2013 qed jagħmel fuq pajjiżi.

 Jien ingħaqadt mal-Moviment ta’ Malta Tagħna Lkoll bħala tabib – tabib li xtaq ifejjaq pajjiż mifrud –  b’messaġġ ta’ tama li tilqa lil kulħadd. Ħdimt bla heda sal-aħħar, u kburi b’ċertu riżultati miksuba f’dik l-leġislatura. B’danakollu, jum wara jum, rajt skorettezzi jiġu moħbija taħt it-tapit, u ħadd ma jieħu responsabbiltà tagħhom.

 Tentattivi biex inbiddlu r-rotta kien hemm iżda dawn ġew milquha b’ għemil biex inżommu fommna sieket. Illum, nagħder lil dawk kollha li jħossuhom traduti, bħalma ħassejtni tradut jien meta l-ideali storiċi tal-Partit Laburista kienu miċħuda. Nista' nifhem sew  xi tħoss meta tkun minn ta’ ġewwa u tibda tiddubita – tara l-ħolma tal-idejal titfarrak – u tinduna li minflok jinstab tarf il-problemi, issib min idawwar dahru, minħabba interess personali, jew, aktar spiss, minħabba l-biża’ li taħkimna.

Inħeġġeġ lin-nies kollha ta’ rieda tajba biex jingħaqdu flimkien ħalli nsalvaw 'il pajjiżna mill-kollass tas-saltna tad-dritt u biex naħdmu flimkien ħalli ma nħallux lill-pajjiżna jaqa’ fid-dlam tal-abbiss Godfrey Farrugia

 Wara daqstant snin fil-bankiniet tal-Oppożizzjoni, kien aktar faċli għal ħafna li jagħlqu għajnejhom, u b’hekk niċħdu l-politika ħanina li konna nħaddnu. Illum nifhem  lil dawk li joqogħdu lura milli jitkellmu għax jagħrfu li dawk li tkellmu ġew mitfugħa mal-ġenb u mhedda.

 Hemm ħtieġa aktar minn qatt qabel li tinbidel is-sistema ta’ tmexxija.  Hemm bżonn li ngħidu dak li hu fuq il-korruzzjoni, tiġi minn liema naħa tal-Kamra tiġi. Dan jista’ jseħħ biss meta l-Pajjiż jitpoġġa qabel il-Partit.

 Fl-aħħar kelli nitkellem u ħadt deċiżjoni f’ħin waqtu. Issa nixtieq naħdem biex inbiddel is-sistema li twaqqaf lin-nies milli jesprimu fehemithom minħabba l-biża’ ta’ riperkussjonijiet soċjali jew li jitwarrbu fuq il-lant tax-xogħol. Għandna sistema politika li tikkastiga lil min ma jimxix magħha.

 Hemm bżonn li dawk kollha li jħossuhom skomdi bl-affarijiet kif inhuma llum jingħaqdu flimkien. Inħeġġeġ lin-nies kollha ta’ rieda tajba biex jingħaqdu flimkien ħalli nsalvaw 'il pajjiżna mill-kollass tas-saltna tad-dritt u biex naħdmu flimkien ħalli ma nħallux lill-pajjiżna jaqa’ fid-dlam tal-abbiss.

 Nitlobkom. Ejjew naħdmu flimkien biex nerġgħu nibnu pajjiż kburi u li jkun verament tagħna lkoll.

Godfrey Farrugia, dak iż-żmien bħala Deputat Laburista
Godfrey Farrugia, dak iż-żmien bħala Deputat Laburista

 

More in Politika