Ġimgħa diffiċli; L-erba’ għażliet quddiem Muscat
Jekk il-Gvern ta’ Muscat qatt kellu ġimgħa ħażina, kienet propja din. Anke jekk il-PM kien jinsab Londra m’hemmx dubju li moħħu kien Malta. X’inhuma l-għażliet li għandu? U x’inhuma r-riperkussjonijiet ta’ kull waħda? L-ILLUM tanalizza l-possibilitajiet...
minn Albert Gauci Cunningham
Il-ġimgħa li għaddiet ma kinitx waħda tajba wisq għall-Prim Ministru Joseph Muscat, għall-Partit Laburista u għal tnejn minn nies li huma meqjusin bħala kardinali, għall-eżistenza tal-Gvern Laburista (għallinqas hekk jidher).
Imma din mhux l-ewwel darba li Muscat iffaċċja sfidi kbar li minn barra dehru li jistgħu jkissru l-edifiċju Laburista li bena Muscat u li rriżulta f’rebħa wara oħra li qabżet it-30,000 vot f’distakk.
Dan ifisser li din il-ġimgħa xejn pożittiva għall-Gvern, bi storja partikolari li tefgħet dawl ikrah fuq tnejn minn nies li akkost ta’ kull akkuża Muscat żamm ma’ djulu, hija sitwazzjoni li l-Prim Ministru diġà kellu jiffaċċja. U biex tgħaxxaq kien hemm ukoll l-istorja ta’ Cardona (ara paġni 8 u 9).
Allura x’inhuma l-għażliet ta’ Joseph Muscat quddiem storja li trattat is-‘17 Black’? X’jista’ jagħmel Muscat biex b’xi mod isalva ġildu u ma jispiċċax fl-inglorja, ta’ ħruġ inglorjuż mill-politika? X’jista’ jagħmel il-Partit Laburista biex isalva minn din id-daqqa wkoll kif s’issa jidher li salva minn kull daqqa politika oħra? U x’tista’ tkun l-aktar tama b’saħħitha f’dan il-punt partikolari għall-Partit Laburista?
Jekk Muscat ma jkunx għadu ddeċieda sal-ħin li qed taqra dan l-artiklu hawn huma l-għażliet possibbli.
Muscat iġiegħel lil Keith u Konrad jirreżenjaw....
L-ewwel għażla u probabilment l-aktar waħda diffiċli, personalment, għal Muscat tkun li jagħmel dak li m’għamilx sentejn ilu u jġiegħel lill-Ministru Konrad Mizzi u lil Keith Schembri jirreżenjaw mill-karigi li għandhom bħalissa. Hija deċiżjoni diffiċli għax kien il-PM stess li pubblikament stqarr illi Schembri, apparti li huwa ċ-Chief of Staff tal-Uffiċċju tiegħu huwa wkoll ħabib kbir tiegħu. Dan apparti li Schembri kien l-arkitett tad-daqs tar-rebħiet li kiseb il-Partit Laburista fl-aħħar snin. Min-naħa l-oħra, minkejja kollox, Mizzi huwa meqjus bħala politiku li jwettaq fl-oqsma li tagħhom huwa responsabbli.
F’kull każ ta’ riżenja Muscat ma ħax id-deċiżjoni mill-ewwel imma dejjem qal li se jistenna l-eżitu ta’ xi forma ta’ investigazzjoni jew inkella inkjesta.
Minkejja li ħarġu provi fil-forma ta’ email li juru illi 1) Kien hemm flus kbar li għaddew għall-kumpanija ‘17 Black’ u 2) Li din il-kumpanija ‘17 Black’ kienet il-klijent ewlieni tal-kumpaniji fil-Panama ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri u 3) li f’’17 Black’ kienu daħlu $200,000 minn aġent lokali tat-tanker tal-gass, Muscat jaf ifarfar mit-toqol tal-akkużi. Dan billi jibqa’ jinsisti illi hu se jkun qed jistenna lill-Qorti tiddeċiedi dwar dan il-każ u każi oħrajn u se jkun qed joqgħod biss fuq din id-deċiżjoni. Dan ikun konsonanti ma’ kif tratta każijiet oħrajn bħal ta’ Michael Falzon u Manuel Mallia.
Din l-għażla hija waħda perikoluża. Minkejja li Muscat ikollu punt jgħid li se jistenna d-deċiżjoni tal-Qorti, l-evidenza issa hija pjuttost dannuża. Issa nafu fiċ-ċert li 1) infetħu dawn iż-żewġ kumpaniji, 2) li dawn il-kumpaniji kellhom idaħħlu $2 miljun f’sena waħda biss u hemm l-allegazzjoni anke jekk miċħuda li 3) ‘17 Black’ li kellha tgħaddi l-flus lil dawn il-kumpaniji kienet qed tirċievi flus, allegatament minn aġent lokali tal-LNG.
Jekk ma jiġri xejn il-kwistjoni se tibqa’ tqum għal darba, darbtejn, tlieta, erbgħa kif ilha tagħmel. Dan huwa żgur, għax hekk ġara fl-aħħar sentejn u jekk ma tinqatgħalhiex rasha hekk se jibqa’ jiġri.
Dan bil-konsegwenza li l-ħidma tal-Gvern u l-bidliet, ħafna minnhom pożittivi u kuraġġużi jibqgħu jkunu midfuna taħt id-dell ta’ din il-kwistjoni.
Muscat dejjem ċaħad illi hu jew familtu qatt kellhom xi kont barra mill-pajjiż. Michelle Muscat għamlet l-istess. Jekk b’xi mod (u m’aħniex qed ngħidu li huwa hekk imma li hemm possibilità li huwa hekk) dawn it-tnejn jafu xi ħaġa li hija dannuża fil-konfront ta’ Muscat, mela allura t-tneħħija tagħhom b’mod li jivvilifikahom pubblikament u mal-Laburisti jista’ jwassal għal riperkussjonijiet xejn sbieħ.
It-tneħħija tagħhom imma, anke jekk hemm min isostni li hija tard wisq tista’ tibni immaġini ta’ PM li jieħu deċiżjonijiet diffiċli anke meta jkunu jitrattaw dawk li tiegħu huma ħbieb. Biex ma tinħoloqx wisq animożità jista’ jasal għal kompromess jew inkella jwiegħed li jekk/ladarba tkun pruvata l-innoċenza ta’ Schembri u Mizzi, dawn jerġgħu jiddaħħlu lura fit-tmexxija tal-pajjiż.
Iħalli ż-żmien itaffi u jnessi
Muscat għandu għażla oħra. Dik li għalissa ma jagħmel xejn u jħalli l-affarijiet jgħaddu, jittaffew u jintnesew. Muscat jista’ jsib komfort mill-fatt illi stejjer bħal ta’ Gaffarena u l-esproprijazzjoni ta’ proprjetà fi Triq Zekka, il-kxif tal-kumpaniji fil-Panama tal-istess Mizzi u Schembri, il-każ tal-Cafè Premiere, il-każ tal-isparatura tax-xufier tal-eks Ministru Manuel Mallia u anke l-allegazzjoni li Egrant Inc hija ta’ Michelle Muscat ma kinux kwistjonijiet li biddlu l-mod kif in-nies ivvutaw is-sena l-oħra.
Minkejja li kull waħda minn dawn, imma b’mod speċjali, l-aħħar waħda, qajmu tempesti politiċi kbar u xellfu mill-immaġini tal-Gvern li jmexxi Muscat, meta ġejna għad-dunque l-Partit Laburista xorta rebaħ b’maġġoranza ta’ 36,000 vot u aktar.
Dan il-fatt jista’ jagħti s-saħħa u jnaqqas mir-rieda ta’ Muscat li jagħmel tibdiliet li hu jħoss illi jiġu għal prezz għoli għalih bħala Prim Ministru. Muscat jew dawk ta’ madwaru jistgħu jsibu komfort mill-fatt illi minkejja l-battalji kollha li għamel il-Partit Laburista kontra kwistjonijiet relatati ma’ korruzzjoni, bħal mistoqsijiet dwar il-bini tal-Isptar Mater Dei, it-tpoġġija kontinwa taħt il-lenti tar-relazzjoni bejn Eddie Fenech Adami u Żeppi l-Ħafi u saħansitra l-iskandlu taż-żejt, fl-oppożizzjoni, dawn qatt ma kienu r-raġuni diretta u unika li wasslet biex l-istess partit rebaħ l-elezzjoni. Fil-fatt l-ebda partit s’issa ma rebaħ jew tilef, singolarment minħabba l-kwistjoni tal-korruzzjoni jew korruzzjoni perċeputa.
Muscat jista’ jħoss illi minkejja l-kritika u l-mistoqsijiet li qed isiru mill-midja, hu jwieġeb biss għall-għajta popolari, mhux għall-midja, ikollha kemm ikollha raġun.
Apparti dan, l-Oppożizzjoni Nazzjonalista għadha fi stat debboli ħafna. Dan jagħti lil Muscat vantaġġ naturali fuq l-avversarju tiegħu, Adrian Delia.
Jinsisti li se jistenna lill-Qorti...
Muscat jista’ juri illi qed jieħu nota tal-aħħar żviluppi relatati ma’ ‘17 Black’, juri illi mhux se jaċċetta dawn l-affarijiet, imma fl-istess ħin jgħid li se joqgħod biss fuq dak li tiddeċiedi l-Qorti.
Jekk jagħmel dan ikollu raġun sa ċertu punt biss. Fis-sens li jkun qed juri illi lest jieħu deċiżjoni imma qed jiddeċiedi li jibqa’ jipposponiha sad-deċiżjoni li toħroġ mill-Qorti bbażata fuq dak li huwa purament legali u skont il-liġi.
Filwaqt li għal darb’oħra dan jagħmel sens, dan jittradixxi għajtiet passati ta’ Muscat meta tkellem dwar il-korruzzjoni. Il-Partit Laburista kien jikkwota, meta kien jitkellem dwar l-iskandlu taż-żejt, lill-awditur meta kien qal li dwar dan il-każ ‘sab id-duħħan imma mhux in-nar.’ Dak iż-żmien il-PL kien jinsisti li la hemm ‘d-duħħan’, politiku (Austin Gatt) għandu jirreżenja, anke jekk sal-ġurnata tal-lum, legalment, qatt ma nstabet ebda prova li Gatt kien imdaħħal f’dan il-każ ta’ korruzzjoni jew għad-dirittura huwa korrott. Ir-rifjut ta’ Muscat li jneħħi lil dawn it-tnejn meta issa duħħan hemm u hemm ħafna, ikun inkonsistenza kbira mat-twemmin tal-istess PL fuq il-korruzzjoni bejn l-2008 u l-2013.
Jinżel hu u jagħlaq kollox
Għażla oħra, għalkemm iċ-ċans li jieħu din it-triq tista’ tkun pjuttost remota hija li jiddeċiedi li jirreżenja u miegħu jinżlu Keith Schembri u Konrad Mizzi u b’hekk il-kwistjoni tkun magħluqa darba għal dejjem. Il-Partit Laburista ifittex xi ħadd ieħor biex imexxih u kull min b’xi mod kellu kuntatt ma’ dan il-każ ma jibqax.
Iċ-ċansijiet li Muscat jieħu din l-għażla, anke jekk ikun xi ftit imħajjar, huma żgħar ħafna minħabba li ebda politiku ma jrid li jkollu ħruġ daqstant inglorjuż.
Muscat, bħal kull politiku stuż bħalu jaf sew illi riżenja hija l-agħar mod kif tagħlaq separju politiku għax 1) riżenja hija ammissjoni ta’ falliment 2) riżenja f’dan il-każ tkompli ssaħħaħ l-idea fost bosta illi Muscat huwa intrinsikament marbut ma’ dawn iż-żewġ personaġġi u 3) għaliex ammissjoni ta’ żball fuq dan il-każ jipperikolalu l-futur politiku lil hinn minn xtutna.
Riżenja issa tfisser ukoll illi jitlef l-opportunità li jerġa’ jmur quddiem l-elettorat u jittama għal rebħa kbira oħra b’distakk kbir fl-2019.
Għalkemm teżisti din l-għażla, il-probabilità kbira hija li ma jmurx għaliha Muscat.