Kevin J Drake qed jikkunsidra serjament li jitfa’ ismu fil-lista ta’ kandidati tal-Partit Laburista għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew li se jsiru s-sena d-dieħla.
Drake ġej minn sfond Nazzjonalista tant li kien jokkupa karigi għoljin fil-midja tal-PN fis-snin disgħin u fiż-żmien meta Gvern Nazzjonalista kien qed jikkampanja biex Malta ssir membru sħiħ tal-Unjoni Ewropea. Fil-fatt hu kien jokkupa l-karigi ta’ eks Manager tal-istazzjon tal-PN Radio 101, kien eks membru tal-grupp ta' strateġija tal-PN u parti mit-tmexxija ta' diversi kampanji għall-PN.
L-ILLUM għamlet kuntatt ma’ Drake u staqsietu biex jispjega aħjar kumment li ħalla fuq il-paġna tiegħu ta’ Facebook. Fil-kumment tiegħu fuq Facebook Drake sostna illi għalih m’hemm xejn aktar importanti milli “nħarsu u ngħollu isem Malta, mhux biss f’Malta iżda b’ferm iktar insistenza u qawwa fil-fora internazzjonali u fil-Parlament Ewropew... il-ġrajjiet tal-mistħija ta’ dawn l-aħħar żminijiet fi Strassburgu u Brussell huma prova ċara ta’ dan... jekk niltaqgħu Malta u fi Pjazza Tritoni fl-1 ta’ Mejju... 99.9% inkun ħadtha (id-deċiżjoni).”
Mistoqsi minn din il-gazzetta jekk hux se joħroġ għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew jew le, Drake qal biss li għandu ħafna kunsiderazzjonijiet x’jiżen. “Fl-istess waqt ma nistax inwarrab is-sens ta’ dover u l-ġibda tremenda li nħoss sabiex, jekk nista’, inkun ta’ servizz għal pajjiżi u għall-poplu.”
Drake kien għamel l-ewwel apparenza tiegħu f’attività tal-Partit Laburista lura fil-kampanja elettorali tal-2013, f’attività taħt it-tinda fis-Siġġiewi. Dakinhar huwa kien għamel diskors emottiv illi fih kien talab biex il-Prim Ministru jekk ikun elett, jgħin nies li jbatu mill-marda diġenerattiva ME.
Fl-aħħar kampanja elettorali kien saħansitra akkuża lill-eks Kap tal-PN Simon Busuttil illi xerred il-ħdura tant li qal illi l-kampanja elettorali tal-2017 kien fiha “ħdura li tnixxfek.”
S’issa kien Josef Caruana, eks Editur tal-gazzetta l-Orizzont illi wera l-interess u l-intenzjoni li jkun parti mit-tim ta’ kandidati tal-PL, apparti l-MEPs li hemm fil-preżent diġà.
Din il-gazzetta l-ġimgħa l-oħra rrappurtat kif l-eks Kap tal-PN Simon Busuttil s’issa mhux qed juri ħsieb li jkun kandidat għal din l-elezzjoni, anke jekk mal-ILLUM sostna li għadu “kmieni wisq.” Fuq Għawdex il-PN mistenni jkollu lil Samuel Azzopardi fuq il-lista filwaqt li s’issa jidher illi l-favorit ta’ dawk li jappoġġjaw lil Adrian Delia huwa Frank Psaila, preżentatur fuq Net TV.