Il-laqgħa tal-kabinett iktar tard dalgħodu mistennija tiddiskuti, fost kwistjonijiet oħrajn, il-White Paper li se tipproponi diversi miżuri għall-qasam tal-kirjiet privati. Sorsi mill-Gvern li tkellmu ma' dan is-sit sostnew li dan se jsir biex imbagħad ikun hemm konsultazzjoni pubblika dwar l-istess White Paper matul ix-xhur tas-Sajf.
Dan l-aħħar żvilupp se jseħħ wara xhur ta' diskussjonijiet u anke riċerka minn grupp ta' persuni esperti f'dan il-qasam.
Il-kirjiet privati għolew bil-kbir fl-aħħar snin hekk kif kibret b'mod qawwi wkoll id-domanda minħabba numru kbir ta' barranin li qed jiġu jgħixu u jaħdmu pajjiżna u anke Maltin li qed jaqgħu 'l barra mill-kategorija ta' nies li jistgħu jieħdu self mill-bank biex isiru sidien ta' darhom.
L-aħħar statistika tal-Eurostat turi li Malta kellha l-akbar żieda ta' inkwilini li qed jgħixu fi proprjetà nieqsa minn dak li huwa bażiku.
Intant dik tal-lum se tkun ukoll l-ewwel laqgħa tal-Kabinett minn meta ħarġet l-istorja ta' '17 Black' u €1.3 miljun li daħlu f'din il-kumpanija, 'target client' tal-kumpaniji li kienu fetħu l-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff tal-Uffiċċju tal-PM Keith Schembri.