'L-interess tat-tarbija mhux imwielda jiżboq dak tal-ġenituri' - PD

Il-PD ddeskriva bħala surreali l-fatt li l-Kummissarju għat-Tfal, Pauline Miceli, iddikkjarat li hija favur l-emendi fil-Liġi tal-IVF

Il-Partit Demokratiku appella lill-Prim Ministru Joseph Muscat biex ma jkomplix għaddej bl-emendi proposti għal-Liġi tal-IVF, li fost affarijiet oħra se jkun qed jippermetti l-iffriżar tal-embrijuni, marbut mal-adozzjoni.

Fi stqarrija, il-Partit Demokratiku fakkar li l-Liġi Maltija tirreferi ċar u tond għat-tarbija mhux imwielda bħala persuna. “Għalhekk għandha l-istess drittijiet tat-trabi kollha mwielda.”

“Fil-liġi kif inhi bħalissa, it-tarbija mhux imwielda hija persuna u l-interess tat-tarbija jirbaħ fuq interessi oħra, inkluż tal-ġenituri,” insista l-Partit Demokratiku. “Ejja ma nkunux ħatja ta’ ġenoċidju.”

Ikkritika u ddeskriva bħala surreali l-fatt li l-Kummissarju għat-Tfal, Pauline Miceli, ilbieraħ iddikkjarat li hija favur l-emendi għax fi kliemha, fost affarijiet oħra, dan huwa proċess li jiggarantixxi suċċessi kbar.

Iżda l-Partit Demokratiku qed jibqa’ jinsisti li tbagħbis mal-ħajja, f’kull stadju tagħha, aktar u aktar jekk fl-ewwel stadji, se tkun qed iċċaħħad persuni mid-drittijiet universali tagħhom.

Jinsisti li huwa fatt ippruvat li l-ħajja tibda mill-konċepiment u għalhekk l-embrijun huwa persuna umana b’potenzjal.

Għamel distinzjoni bejn liġijiet naturali u dawk magħmulha mill-bnedmin u insista li d-dritt għall-ħajja u dritt fundamentali tal-bniedem u għalhekk superjuri minn kull liġi li jista’ jagħmel il-bniedem.

Tenna l-pożizzjoni tiegħu kontra l-iffriżar tal-embrijuni u agħar minn hekk il-qerda tagħhom, waqt li insista li bl-iffriżar tal-embrijuni, persuni se jkunu mċaħħda mid-drittijiet tagħhom.

L-istqarrija tinsista wkoll li l-PD ma jaqbilx lanqas mal-iffriżar tal-embrijuni anke jekk marbut mal-adozzjoni.

More in Politika