Wara li l-ġimgħa l-oħra l-gazzetta ILLUM irrappurtat kif persuni omosesswali ma jistgħux jagħtu demm b’mod awtomatiku, illum nistgħu niżvelaw illi sal-aħħar ta’ din is-sena din is-sitwazzjoni se tinbidel.
Fil-fatt għall-mistoqsijiet ta’ din il-gazzetta l-Ministeru tas-Saħħa sostna illi fl-aħħar ġimgħat ħareġ tender li se jwassal biex jinxtara apparat mediku li jista’ jittestja d-demm b’sensittività akbar milli jintuża fil-preżent.
L-apparat se jkun wieħed illi se jagħmel il-livell tal-ittestjar ħafna aħjar u ħafna iktar sofistikat bil-konsegwenza illi kwalunkwe virus jimmarka iktar malajr. Il-Ministeru qal mal-ILLUM illi dan l-apparat “se jagħmilha possibbli biex persuni gay f’Malta jkunu jistgħu jagħtu d-demm b’mod sikur.”
Il-Ministeru tas-Saħħa qal li din hija wegħda elettorali oħra li mistennija tkun imwettqa sal-aħħar ta’ din is-sena.