Trump u Macron jindikaw ftehim ġdid dwar il-programm nukleari tal-Iran

Trump huwa xettiku dwar il-ftehim li daħal fis-seħħ fi żmien il-President Barack Obama

Il-President Amerikan Donald Trump u l-President Franċiż Emmanuel Macron indikaw il-possibbilità li jkun maqbul ftehim ġdid dwar il-programm nukleari tal-Iran.

Waqt żjara statali li Macron qed jagħmel fl-Amerka, il-President Trump li huwa xettiku dwar il-ftehim li daħal fis-seħħ fl-2015, tkellem fuq il-possibbilità li jkun maqbul ftehim “akbar.”

Min-naħa tiegħu Macron qal li ftehim ġdid għandu jkun jinkludi l-programm ta’ missili ballistiċi li għandu l-Iran u anke l-irwol tiegħu fil-Lvant Nofsani.

L-Iran mhux l-ewwel darba li wissiet lill-Istati Uniti “b’konsegwenzi severi” kieku l-amministrazzjoni ta’ Trump kellha tirtira mill-ftehim.

Fl-2015, l-Iran kien qabel li jnaqqas il-programm nukleari tiegħu jekk jonqsu s-sanzjonijiet ekonomiċi fuq l-Iran.

Trump mhux l-ewwel darba li hedded li ma jġeddidx dan il-ftehim wara li jiskadi fit-12 ta’ Mejju li ġej.

Is-sid tal-Bank Pilatus, Ali Sadr Hasheminejad, jinsab arrestat fl-Istati Uniti propju għax kiser sanzjonijiet imsemmija hawn fuq.

More in Politika