130 artist Malti jitolbu għar-riżenja ta' Jason Micallef

L-artisti kitbu lill-PM Joseph Muscat, il-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici u s-Segretarju Parlamentari għall-V18, Deo Debattista

130 artist lokali ffirmaw petizzjoni biex isejħu għar-riżenja taċ-Ċermen tal-Fondazzjoni Valletta 2018, Jason Micallef.

F’ittra miftuħa, mibgħuta lill-Prim Ministru Joseph Muscat, il-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici u s-Segretarju Parlamentari għall-V18, Deo Debattista, l-artisti saħqu li t-titlu tal-Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura qede ikun mhedded serjamentn minħabba l-imġiba ta’ Jason Micallef.

“Il-kummenti derogatorji pubbliċi kontinwi tiegħu dwar l-assassinju ta’ Daphna Caruana Galizia ma jirriflettux l-għanijiet u l-prinċipju tal-inizjattiva tal-Belt Kapitali tal-Kultura,” jisħqu l-artisti. “L-irwol taċ-Ċermen ta’ Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura ma jistax jinvolvi attitudni partiġġjana u mġiba intenzjonalment diviża.”

L-artisti wrew ukoll it-tħassib tagħhom għax fi kliemhom Micallef uża r-rwol tiegħu bħala Ċermen tal-Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura biex iwaqqa’ għaċ-ċajt u jattakka pubblikament lill-artisti li kkritikaw u ssatirizzaw dawk fil-poter.

“Ir-rwol tiegħu ta’ Ċermen għandu jkun li jħares dan id-dritt, mhux li jheddu,” tgħid l-ittra. “L-użu tal-artisti, tal-kultura u ta’ Valletta 2018 għall-konvenjenza politika hu xokkanti u inaċċettabbli.”

Temmew jisħqu li l-imġieba ta’ Jason Micallef hija tal-mistħija u rresponsabbli u qed tagħmel ħsara lir-reputazzjoni tal-Valletta 2018.

Il-ġimgħa li għaddiet, 72 Membru Parlamentari Ewropew, fosthom l-MEPs Nazzjonalisti talbu lill-Kummissjoni Ewropea biex titlob li jitneħħa “b’mod immedjat” liċ-Ċermen tal-Fondazzjoni Valletta 2018, Jason Micallef.

Ġimgħa qabel, 250 kittieb internazzjonali, minn PEN International ukoll kitbu jisħqu li Micallef għandu jitneħħa waqt li kkritikaw il-kummenti tiegħu.

Intant, l-Ewroparlamentari Nazzjonalisti, David Casa, Roberta Metsola u Francis Zammit Dimech mhux se jattendu għal riċeviment u preżentazzjoni miċ-Ċermen tal-Valletta 2018, li se ssir għada f’Dar Malta fi Brussell.

More in Politika