Aġġornata | Coleiro Preca titlob li deċiżjoni dwar l-IVF ma titteħidx għalissa

...il-President tar-Repubblika Marie Louise Coleiro Preca titlob li jkun imwaqqaf il-proċess dwar il-liġi dwar l-IVF sakemm issir aktar diskussjoni u riflessjoni...

Il-President Marie Louise Coleiro Preca hija mħassba dwar id-dibattiti polarizzati li qed isiru dwar l-emendi għall-liġi dwar il-protezzjoni tal-embrijuni.  "Dan it-tip ta’ dibattitu ma jgħinx kostruttivament biex jiġu mifhuma b’mod ħolistiku l-implikazzjonijiet umani, soċjali, etiċi u mediċi," sostniet il-President tar-Repubblika. 
 
"It-trattament tal-IVF huwa suġġett delikat li jinħtieġ li jkun diskuss f’ambjent seren, li jibbilanċja l-qsim il-qalb li jiffaċċjaw koppji bla tfal, ma’ kwistjonijiet etiċi sensittivi li għandhom x’jaqsmu mad-drittijiet tal-embrjuni."

Il-President Coleiro Preca qalet li hija mħassba bl-ostilità li sfortunatament qed toħroġ minn dibattiti pubbliċi. 

Intant f'mossa li tista' titqies bla preċedent il-President Coleiro Preca  qed tappella għall-kalma u "għall-perjodu itwal ta’ riflessjoni sabiex il-vuċijiet kollha jinstemgħu," Dan ifisser allura l-posponiment temporanju tad-dibattitu li bħalissa jinsab il-Parlament fi stadju tat-Tieni qari bil-Gvern favur l-emendi u l-Oppożizzjoni, kontra. 
 
Coleiro Preca qed toffri li sservi ta' medjatur u  qed tistieden il-Parlamentari, is-soċjetà ċivili, u l-istakeholders kollha biex jiġu flimkien madwar il-mejda biex ikollhom dibattitu nfurmat li jgħaqqad flimkien, il-konsiderazzjonijiet etiċi u morali mal-għarfien xjentifiku għal liġi li tkun tirrifletti b’mod sħiħ il-potenzjal mediku u l-implikazzjonijiet pozittivi u negattivi għas-soċjetà.

Intant fi stqarrija l-għaqda Gift of Life esprimew is-sodisfazzjon tagħhom għall-intervent tal-President fir-rigward tal-att dwar l-embrijun u inkoraġġixxew lid-Deputati biex jieħdu l-pariri ta' Coleiro Preca. .

More in Politika