Wara r-rapport ippubblikat ilbieraħ mill-Proġett Daphne, fejn ġie allegat liu Malta qed tħallas id-doppju għall-prezz tal-LNG, il-Gvern ħareġ minnufih jiddefendi dan il-ftehim u d-deċiżjonijiet li ttieħdu fil-proċess, filwaqt li kemm il-Partit Nazzjonalista u l-Partit Demokratiku poġġew għadd ta’ mistoqsijiet, anke dwar 17 Black u talbu li l-ftehim ikun investigat.
Fi stqarrija pjuttost twila l-Gvern iddefenda l-ftehim tal-enerġija waqt li akkuża lit-Times of Malta li “għall-darb’oħra” ddeċidiet li tippubblika storja mingħajr ir-reazzjoni tal-Gvern. L-istqarrija tisħaq li l-Gvern wieġeb fid-dettall għall-mistoqsijet kollha.
Insista li għall-kuntrarju tal-allegazzjonjiet, il-konsumatur Malti qed iħallas prezzijiet tal-enerġija orħos minn dawk li kien iħallas għalihom taħt l-amministrazzjoni preċedenti.
“It-traħħis kbir fil-kontijiet kien possibbli bis-saħħa tal-proġett tal-power station il-ġdida li taħdem bil-gass u r-ristrutturar tal-Enemalta,” insista l-Gvern.
Skont il-Gvern, it-Times of Malta fehmet ħażin kif jaħdem dan il-ftehim. Saħaq li l-proġett jibbaża fuq “Power Purchase Agreement u Gas Supply Agreement,” li jfisser kif il-kuntrattur, f’dan il-każ Electrogas, huwa responsabbli kemm mill-infrastruttura u anke mill-provvista tal-elettriku/LNG.
Għall-kuntrarju ta’ dak allegat, il-Gvern insista wkoll li l-offerta ta’ Electrogas kienet 20% irħas mill-kompetitur li kien it-tieni preferenza.
Dwar dak magħruf bħala “hedging,” il-Gvern insista li Malta ma tistax titqabbel ma’ pajjiżi akbar. Insista li kien jagħmel ħafna aktar sens li Malta tidħol fi ftehim li jistabbilizza l-prezzijiet għal perjodu ta’ ħames snin u anke li Electrogas tkun responsabbli mix-xiri taż-żejt bil-quddiem.
“Gazzetta oħra, li tifforma parti mill-Proġett Daphne, qalet iswed fuq l-abjad li ma hemm l-ebda suspett ta’ xi ħaġa ħażina f’dan il-ftehim,” saħaq il-Gvern.
“Dawn l-allegazzjonijiet jridu jittieħdu fil-kuntest ta’ 17 Black” – PN
Intant, il-Partit Nazzjonalista staqsa fejn marru l-€40 miljun li intilfu fl-ewwel sena biss minn ftehim għax-xiri tal-gass LNG.
Filwaqt li l-Gvern fetaħ il-kanuni fuq it-Times of Malta, il-Partit Nazzjonalista insista li din l-istorja kienet ippubblikata minn The Guardian u rrappurtata mit-Times of Malta.
Il-Partit Nazzjonalista fakkar fir-rivelazzjonijiet dwar 17 Black u kif $200,000 ġew trasferiti fiha mill-kumpanija tal-aġent Malti li jissupplixxi l-gass LNG lill-power station il-ġdida.
“Din mhix l-ewwel darba li l-Enemalta tilfet il-flus minħabba d-deal ħażin ma' SOCAR u dan jirriżulta mill-investigazzjoni li kien għamel l-Awditur Ġenerali fl-2015 meta kienu intilfu €14 miljun oħra,” saħaq il-PN.
“Ir-rapporti tal-ġurnalisti lokali u internazzjonali issa qed juru kif din kienet gidba u li qed twassal biex l-Enemalta titlef fil-flus u l-konsumatur Malti qed iħallas aktar,” temm jgħid il-Partit Nazzjonalista.
Il-PD iseħħaħ għal investigazzjoni indipendenti
Min-naħa tiegħu, il-Partit Demokratiku wkoll fakkar fil-kumpanija 17 Black u talab għal investigazzjoni indipendenti dwar dan il-ftehim.
Waqt li għamel għadd ta’ mistoqsijiet, il-PD insista li l-kuntratti għandhom jiġu ppubblikati kollha kemm huma u anke jitqabbdu esperti barranin u indipendenti li janalizzawhom u jipprovdu l-informazzjoni lill-Parlament u lill-Poplu.
Jekk ikun hemm bżonn, dan il-ftehim għandu jiġi aġġornat jew ikkanċellat, insista l-PD.