Il-Kummissjoni tal-Arċidjoċesi għall-Ġustizzja u Paċi ngħaqdet mal-appell tal-President ta’ Malta u talbet diskussjoni aktar dinjituża dwar l-emendi proposti għal-liġi tal-IVF.
Fi stqarrija, il-Kummissjoni saħqet li huwa dmir tal-politiċi li jiżguraw li d-diskussjoni seħħ b’mod li jiżgura li l-partijiet kollha kkonċernati u l-pubbliku jingħataw spazju biex jesprimu l-opinjonijiet u t-tħassib tagħhom.
Qalet ukoll li għandu “jingħata ż-żmien adegwat sabiex din il-leġiżlazzjoni proposta tiġi studjata u emendata kif meħtieġ għall-ġid komuni.”
Aktar kmieni din il-ġimgħa, il-President Marie Louise Coleiro Preca kitbet turi t-tħassib tagħha dwar id-dibattiti polarizzati li qed isiru dwar l-emendi għall-liġi dwar il-protezzjoni tal-embrijuni.
Il-President Coleiro Preca appellat għall-kalma u "għall-perjodu itwal ta’ riflessjoni sabiex il-vuċijiet kollha jinstemgħu.” Minkejja dan, id-diskussjoni fil-Parlament kompliet kif kien ippjanat.
"Ma hemmx iċ-ċittadini, hemm biss il-voti"
Fl-istqarrija tagħha, il-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi kkwotat kliem il-Papa Franġisku u saħqet kif minflok tippromovi d-djalogu, “il-politika qed tinbidel f’forum ta’ skontru bejn forzi li jeħduha kontra xulxin. Flok il-leħen tad-djalogu għandna l-għajat ta’ min ifittex id-dritt tiegħu.”
Ikomplu jikkwotaw lill-Papa u jisħqu li ħafna drabi: “Ma hemmx iċ-ċittadini, hemm biss il-voti. Ma hemmx l-immigranti, imma l-persentaġġi. Ma hemmx il-ħaddiema, hemm biss l-indikaturi ekonomiċi. Ma hemmx il-foqra, hemm biss il-marġini tal-faqar.”
"Proposti mgħaġġla...wasslu għall-konfużjoni"
Kien hawn, li l-Kummissjoni rwiet it-tħassib tagħha, għax fi kliema, l-proposti qed jitressqu b’mod mgħaġġel u minħabba f’hekk qed tiġi eliminata kull forma ta’ konsultazzjoni u dibattitu pubbliku strutturat.
Skont il-Knisja, dan qed iwassal għal konfużjoni mifruxa dwar x’qed jipproponi fil-fatt l-abbozz tal-Liġi.
Aqra aktar dwar il-proposti tal-Gvern: