Aġġornati | L-Air Malta b'mandat ta' inibizzjoni biex twaqqaf l-azzjoni tal-bdoti

Il-Unjin tal-Bdoti (ALPA) ordnat lill-membri tagħha biex ma joperawx titjiriet bl-ajruplan il-ġdid tal-Air Malta

L-Air Malta għamlet mandat ta’ inibizzjoni kontra l-Unjin tal-Bdoti għax qed tisħaq li l-azzjoni industrijali tmur kontra l-ftehim kollettiv iffirmat xhur ilu.

Fi stqarrija, l-Air Malta saħqet li diġá għamlet l-arranġamenti kollha mal-Airbus biex tkun installata l-buttuna li dwarha (ara aktar l’isfel) ttieħdet l-azzjoni tal-ALPA.

Aktar kmieni:

Il-Unjin tal-Bdoti (ALPA) ordnat lill-membri tagħha biex ma joperawx titjiriet bl-ajruplan il-ġdid tal-Air Malta, li ngħaqad mal-bqija tal-flotta ftit tal-jiem ilu.

Fi stqarrija, il-Linja Nazzjonali tal-Ajru saħqet li rċeviet din l-aħbar 22 minuta qabel it-titjira.

L-Air Malta qalet li din l-azzjoni industrijali se tiswieha €180,000 u insistiet li l-Unjin qed tikser dak maqbul fil-Ftehim Kollettiv, iffirmat ftit tax-xhur ilu.

Id-deċiżjoni ttieħdet fuq buttuna nieqsa

Id-deċiżjoni ttieħdet fuq buttuna nieqsa li hemm fil-cockpit tal-ajruplan.

Kull ajruplan għandu sistema li tirrekordja l-ilħna tal-bdoti biex f'każ ta' inċident ikun jista' jintuża dan l-awdjo għall-investigazzjoni. Dan ir-recording ma jistax jintuża għal raġuni oħra.

Kull ajruplan tal-Air Malta għandu buttuna li meta tingħafas jitħassar ir-recording kollu. Ġeneralment bdot jagħfas din il-buttuna fi tmiem ta' titjira, ġaladarba ma jkun seħħ xejn.

Skont sorsi li tkellmu mal-MaltaToday, il-ftehim kollettiv jisħaq li l-bdoti għandhom ikollhom il-possibilità li jħasru r-recording fi tmiem titjira jekk ma jkun hemm l-ebda rapport ta' inċident abbord.

It-titjira affetwata se tħalli Malta disa' sigħat tard

L-istqarrija tal-Air Malta tisħaq li “l-azzjoni kienet immirata biex taffettwa l-pjanijiet ta’ ħafna Maltin u turisti li kienu se jsiefru fuq long weekend.”

L-Air Malta wiegħdet li qed tikkundanna din l-azzjoni u saħqet li se tagħmel dak kollu possibbli biex tipproteġi l-interessi tal-passiġġiera.

It-titjira affettwata hija KM 646 li kellha tħalli Malta fis-1:35pm iżda issa se titlaq illejla fil-22:40pm.

More in Politika