'It-tkabbir ekonomiku għandu jirrispetta lill-ħaddiema li jiġġenerawh' - AD
Fl-okkażjoni ta' Jum il-Ħaddiem, l-AD tagħti ħarsa lejn diffikultajiet li qed jiffaċċjaw ħaddiema Maltin u barranin
More in Politika
Fl-okkażjoni ta' Jum il-Ħaddiem, l-AD tagħti ħarsa lejn diffikultajiet li qed jiffaċċjaw ħaddiema Maltin u barranin
L-Alternattiva Demokratika saħqet li t-tkabbir ekonomiku ma jistax ikun l-uniku kejl tal-progress u saħaq li dan għandu jkun wieħed sostenibbli soċjalment u ambjentalment b’mod li jirrispetta lill-istess ħaddiema li jiġġenerawh.
Dan kien l-appell tal-AD fl-okkażjoni ta’ Jum il-Ħaddiem iċċelebrat għada.
Fi stqarrija, l-AD insista li filwaqt li Malta għamlet qabżiet kbar, ix-xenarju tad-dinja tax-xogħol qed jitbiddel b’mod mgħaġġel aktar milli jiċċaqilqu l-mekkaniżmi ta’ lqugħ biex il-ħaddiema jkunu protetti.
Id-Deputat Ċerpersin Mario Mallia insista li “hemm sinjali ċari li l-kisbiet għall-ħaddiema tul ħafna snin qed jitnaqqru f’tentattiv biex nissodisfaw il-ferneżija ekonomika.”
“Huwa fatt li ħafna ħaddiema li għażlu li jiġu jaħdmu Malta, qed jitilqu ftit wara minħabba l-prezzijiet eżorbitanti tal-kirjiet, saħaq Mallia. “Dan qed iwassal għal sitwazzjoni ta’ ħafna ħaddiema barranin jgħixu f’gabubi ffullati u f’garaxxijiet tajbin biss għall-karozzi.
Min-naħa tagħha, il-kelliema dwar id-Djalogu Soċjali u l-Ugwaljanza, Anna Azzopardi saħqet li l-mudell ta’ Dubaj, li fi kliemha jsemmi ta’ spiss il-Prim Ministru, huwa propju dak il-mudell li Malta għandha tevita, għax skontha huwa mibni fuq “ferneżija ekonomika mħaddma minn fuq dahar ħaddiema minn pajjiżi tat-tielet dinja li qajla jistgħu jagħmlu mod ieħor.”
Kien għalhekk li l-AD ħeġġet lill-unjins biex jaġġornaw il-ħidma tagħhom biex jilħqu l-ħaddiema barranin u ġodda, speċjalment f’setturi ġodda. Ħeġġet ukoll lill-Gvern biex isaħħaħ l-organi ta’ sorveljanza fosthom dawn fuq saħħa u sigurtà.
Uriet ukoll it-tħassib tagħha għall-fatt li biex ħaddiema jkunu kapaċi jissellfu biex jixtru dar, il-paga trid tkun mill-inqas €20,000 fis-sena.
“Meta tqis li dan l-ammont huwa ħarira aktar mid-dħul gross medju tal-ħaddiema f’Malta, malajr tinduna kemm id-diffikultajiet għal ħafna ħaddiema huma kbar,” ittemm tgħid l-istqarrija.