Il-Partit Demokratiku qed jipproponi li jitwaqqaf Kumitat għad-dritt tal-ħajja u d-dinjità tal-bniedem.
Fi stqarrija, il-PD qal li jaqbel mal-President Marie Louise Coliero Preca, li talbet żmien itwal ta’ riflessjoni qabel ma jgħaddu l-emendi dwar il-liġi tal-Protezzjoni tal-Embrijun, iżda saħaq li l-Prim Ministru Joseph Muscat ma kienx ta’ rieda tajba.
Il-PD fakkar li f’Awwissu tal-2017 kien ippreżenta mozzjoni dwar konsultazzjoni wiesgħa biex jitwaqqaf Kumitat tal-Kamra mmexxi mill-Ispeaker.
Qed jipproponi li l-Kumitat ikun magħmul ukoll minn tliet Deputati tal-Gvern u tliet Deputati tal-Oppożizzjoni.
"Il-vot dwar l-emendi għandu jinqasam fit-tnejn"
Il-PD saħaq li l-emendi kif ippreżentati ma jagħmlux differenza bejn drittijiet fundamentali u drittijiet ċivili. Għalhekk, appella lill-Prim Ministru biex mhux biss jagħti żmien itwal għal diskussjoni matura iżda anke biex jaqsam il-vot tal-abbozz f’żewġ taqsimiet.
L-istqarrija tispjega li jekk dan iseħħ, il-Prim Ministru jkun qed jagħti lok biex il-vot dwar id-dritt tal-ħajja jkun vot li jittieħed skont il-kuxjenza u jkun separat minn dak ta’ drittijiet civili.