Il-Pulizija ta' Malta irrifjutat allegazzjoni minn naħa tad-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi. Dan id-Deputat ilbieraħ allega li surġent tal-Pulizija bl-isem ta' Aldo Cassar, li kien jaħdem fil-Criminal Intelligence Unit u allura fejn kellu għarfien ta' dettalji sensittivi, kien għarraf lit-tliet akkużati bil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia bl-operazzjoni tal-Pulizija biex jaqbduhom. Azzopardi kien qed jikkwota mill-gazzetta Taljana La Repubblica illi għamlet l-allegazzjoni.
La Republica hija l-istess gazzetta li kienet ippublikat l-ewwel tagħrif dwar l-akkużati u l-famuż sms li kien bagħat wieħed minnhom jgħid lill-martu biex tiftaħlu flixkun inbid, ftit wara li splodiet il-bomba li qatlet lil Daphne Caruana Galizia.
Il-Pulizija Maltija sostniet illi Azzopardi bħala avukat tal-familja Caruana Galizia kien diġa spjegat lilu li l-Pulizija qatt ma rċeviet tali allegazzjoni. Kien kjarifikat ukoll illi passi li ttieħdu kontra dan is-surġent partikolari ma kellhom x'jaqsmu xejn ma' din l-allegazzjoni u li dan is-surġent fl-ebda ħin ma kien jaf jew kellu informazzjoni dwar il-każ.
Fir-rigward tal-akkuża li kollox kien jindika li l-akkużati kienu jafu bl-operazzjoni tal-Pulizija, fosthom il-fatt li l-mowbajls kienu fil-baħar, il-Pulizija qalu li Azzopardi missu jaf li l-informazzjoni kollha kienet ippreżentata lill-Qorti, fosthom anke l-istess mowbajls.
"Dawn l-allegazzjonijiet ma jgħinux fl-investigazzjonijiet tal-Pulizija fil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia. Allegazzjonijiet bħal dawn jostakolaw lill-Pulizija li qed jibnu każ kontra dawn it-tliet suspettati." temmew jgħidu l-Pulizija.
Azzopardi allega li l-operazzjoni kienet kollha falza tant li l-irġiel m'offrew ebda reżistenza. Huwa allega wkoll li l-Kummissarju tal-Pulizija kien infurmat bit-telefonata li Cassar għamel lit-tliet akkużati u minflok, skont Azzopardi, kull ma għamel huwa li ttraserfixxa lis-Surġent in kwstjoni mal-RIU.
"Kont taħseb li se jibda proċeduri kriminali l-Kummissarju tal-Pulizija tal-att kriminali serju li twettaq minn dan is-Surġent, imma le....kull m'għamel huwa li offrilu għażla ma' liema sezzjoni jixtieq jaħdem." F'dan il-punt Azzopardi akkuża lill-Pulizija li kienu qed jaħdmu mal-kriminali.