'Min hu kontra l-iffriżar tal-embrijuni seta' vvota kontra fl-2012' - PM

Il-Prim Ministru Joseph Muscat insista li mhu minnu xejn li l-Gvern qed idaħħal il-prinċipju tal-iffriżar tal-embrijuni

Il-Prim Ministru Joseph Muscat insista li mhu minnu xejn li l-Gvern qed idaħħal il-prinċipju tal-iffriżar tal-embrijuni għax fi kliemu, dan daħal meta għaddiet il-liġi taħt Gvern Nazzjonalista.

Waqt diskussjoni fuq l-emendi għal-Liġi tal-Protezzjoni tal-Embrijuni, il-Prim Ministru insista li min għandu dubji dwar il-kunċett tal-iffriżar tal-embrijuni jmissu tkellem fl-2012.

“Il-prinċipju mhux dieħel issa,” insista Dr Muscat waqt li staqsa għalfejn Deputati li fl-2012 ivvutaw favur il-liġi, issa qed jgħidu li ma jaqblux mal-iffriżar tal-embrijuni.

Ikkwota minn diskors li kien għamel meta fi żmien amministrazzjoni Nazzjonalista kienet tressqet din il-liġi. Dwar l-iffriżar tal-embrijuni, Dr Muscat, dak iż-żmien Kap tal-Oppożizzjoni, kien saħaq li “kunċett huwa kunċett u prinċipju huwa prinċipju,” u insista li kienet din il-liġi li introduċiet il-kunċett tal-iffriżar tal-embrijuni, anke jekk f’każijiet “eċċezzjonali.”

“Il-pożizzjoni tagħna ma nbidlitx pulzier minn dakinhar li kien hemm id-diskussjoni u l-qbil unanimu miż-żewġ naħat,” saħaq Dr Muscat.

Fakkar li dak iż-żmien kien insista li dan il-kunċett ikisser ukoll il-mit li jipprova jorbot l-iffriżar tal-embrijuni mal-abort.

Dr Muscat insista li din il-liġi tressqet ftit qabel elezzjoni ġenerali u meta kulħadd kien jaf li kienet se tkun inkluża fil-programm elettorali tal-Partit Laburista.

Insista li ma ddejjaq xejn jivvota favur din il-liġi, għax anke jekk kellha restrizzjonijiet kbar, kien jaqbel magħha.

"Se nsalvaw id-doppju tal-ħajjiet"

Il-Prim Ministru saħaq li l-proċedura tal-IVF kif issir bħalissa, issalva biss 12 minn kull 100 embrijun. Fi kliem il-Prim Ministru, l-emendi mressqa se jsalvaw id-doppju “tal-ħajjiet.”

“Dawn huma emendi favur il-ħajja,” tenna l-Prim Ministru.

"Surrogacy...iridu niddiskutu"

Dwar is-surrogacy altruwistika, jiġifieri mhux kiri tal-ġuf bi flus, il-Prim Ministru saħaq li se ssir diskussjoni twila.

Qal li kieku tmur mara fuqu u tgħidlu li ma jistax ikollha tfal imma oħtha lesta ġġorrilha t-tarbija f’ġufu, isibha diffiċli biex jispjegalha għalfejn ma għandux ikollha dan id-dritt.

Il-pożizzjoni tagħna ma nbidlitx pulzier minn dakinhar li kien hemm id-diskussjoni u l-qbil unanimu fl-2012

Minkejja dan wera r-riżervi tiegħi fuq il-kiri tal-ġuf bi flus jew bejn persuni li ma għandhom xejn x’jaqsmu ma’ xulxin.

Saħaq ukoll li l-Gvern lest isaħħaħ l-emendi biex ikunu aktar ċari kontra d-distruzzjoni tal-embrijuni.

Dwar kummenti li qed isiru, anke minn dawk "li jħabbtu idejhom fuq sidirhom," Dr Muscat appella biex ma tinħoloqx sitwazzjoni fejn ġenitur jispiċċa ma jgħidx lil uliedu li twieldu bil-proċedura tal-IVF għax "qishom ulied ix-xitan."

Il-PM jikkundanna l-kummenti kontra Julia Farrugia Portelli

Fil-bidu tad-diskors tiegħu, il-Prim Ministru Joseph Muscat ikkritika l-kummenti li d-Deputati Marlene Farrugia u Godfrey Farrugia għaddew fuq id-Deputati Julia Farrugia Portelli.

Minkejja li rrikonoxxa li l-Partit Demokratiku talab skuża, Joseph Muscat saħaq li li din mhux l-ewwel darba li Deputati tal-Gvern ġew mgħajra minħabba l-opinjoni tagħhom, waqt li rrefera wkoll għall-kritika li tirċievi d-Deputat Rosianne Cutajar.

“Il-kollega setgħet ġiet hawn u talbet ksur ta’ privileġġ. Il-fatt li ma għamlitx dan juri fejn ma rridux nieħdu din id-diskussjoni,” saħaq il-Prim Ministru.

More in Politika