Fil-Qorti dalgħodu mill-ġdid fost ħafna drama u għajjat Peter Caruana Galizia qal illi hu jistenna li l-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Keith Schembri iwaqqgħu l-każi kontra Daphne Caruana Galizia.
Fil-Qorti Caruana Galizia qal hekk; "Mhux mejta issa, xi tridu aktar?'
Peter huwa l-armel ta' Daphne Caruana Galizia li nqatlet f'karozza bomba f'Ottubru li għadda. Hu kien wiret il-każijiet kollha ta' libell li kellha martu, inkluż dawk li fetħu kontriha l-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff fl-Ufiċċju tal-PM Keith Schembri. Dawn kienu fetħu diversi libelli, primarjament dawk relatati mal-allegazzjonijiet marbuta mal-kontijiet fil-Panama.
L-Avukat tal-Ministru Konrad Mizzi, Aaron Mifsud Bonnici staqsa lil Caruana Galizia jekk dan hux familjari mal-każ, b'Caruana Galizia jwieġeb fin-negattiv.
"Jiena stennejt lill-klijent tiegħek (Konrad Mizzi) iwaqqaf il-każ. Mhux mejta, xi tridu aktar? Teħdula flusha? Mhux jiena ktibthom (l-istejjer), jiena dħalt fil-każ għax il-liġi qalet li għandi nagħmel hekk. Ili ngħid dan mill-bidu.
Mifsud Bonnici staqsa lil Caruana Galizia għalfejn irid il-każ jieqaf issa. "Jien ma ġejtx hawn nittallab. Jiena stennejtkom se twaqqgħu l-każi," sostna l-avukat.
Il-Maġistrat Francesco Depasquale ordna biex ma jibqax għaddej storbju u għajjat fl-awla, "din qorti, mhux Xarabank," b'referenza għall-programm li jsir fuq TVM kull nhar ta; Ġimga.
Mifsud Bonnici staqsa jekk Caruana Galizia kellux evidenza. Minn naħa tiegħu Caruana Galizia qal li huma Konrad Mizzi u Keith Schembri li għandhom jgħaddu l-evidenza, mhux il-kontra.
Dwar il-famuż laptop Caruana Galizia qal li hu ma jafx fejn hu dan, filwaqt li reġa rrepeta kliem ibnu ta' ftit ġimgħat ilu, jiġifieri li huma l-laptops ta' Konrad Mizzi u Keith Schembri li huma importanti. Matthew Caruana Galizia kien ippreċiza wkoll il-lap top tal-Prim Ministru.
Il-Qorti ordnat li tkun id-difiża l-ewwel li tagħti x-xhieda.