Ritratti | Għalissa l-Jerma se tibqa' eżatt kif inhi
L-Awtorità tal-Ippjanar kienet ħarġet ordnat lis-sidien tal-lukanda biex il-lukanda titwaqqa’ iżda lbieraħ is-sidien rebħu l-appell
More in Politika
L-Awtorità tal-Ippjanar kienet ħarġet ordnat lis-sidien tal-lukanda biex il-lukanda titwaqqa’ iżda lbieraħ is-sidien rebħu l-appell
Il-lukanda Jerma ta’ Wied il-Għajn se tibqa’ mhux minsusa hekk kif is-sidien irnexxielhom iwaqqgħu ordni ta’ infurzar biex il-binja, li ilha diversi snin mitluqa, titwaqqa’.
Lura fl-2016, l-Awtorità tal-Ippjanar kienet ħarġet ordnat lis-sidien tal-lukanda biex il-lukanda titwaqqa’ wara li rċeviet diversi ilmenti minn residenti u l-kunsill lokali anke minħabba periklu.
Minkejja dan, it-Tribunal għall-Ambent u l-Ippjanar ilbieraħ qabel mal-appell li għamlu s-sidien u annulla l-ordni ta’ infurzar.
L-għan tas-sidien minn dejjem kien li jsiru xogħlijiet u l-binja terġa’ tinfetaħ bħala lukanda, tant li fl-2008 diġà kienet saret applikazzjoni iżda waqgħet minħabba problemi finanzjarji.
Kien sar ukoll irkant biex din il-lukanda tinbiegħ iżda l-istess proċess kien ġie pospost.
Skont espert tal-Qorti, is-sit fejn tinsab il-lukanda jiswa 20.8 miljun. Kieku kellha titwaqqa’ l-binja, ix-xogħlijiet kienu se jiswew 1.5 miljun.
F’Diċembru li għadda, il-kunsill lokali ta’ Wied il-Għajn kien ivvota favur il-proposta li tinbena lukanda ta’ 13-il sular minflok il-Jerma iżda sa issa għad ma kien hemm l-ebda applikazzjoni.
Bid-deċiżjoni meħuda lbieraħ, il-Jerma se tibqa’ kif inhi, sakemm is-sidien jiddeċiedu x’se jagħmlu biha.